-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
10 ta’ Diċembru 2018It-tfal tal-Iskola Primarja ta’ San Ġwann irrakkuntawlna l-ġrajja tal-Milied u Jethro kemm-il darba uża sentenza li kien iħobb ħafna jirrepeti wkoll San Ġorġ Preca: “Verbum Dei caro factum est” (Ġw 1:14). Anzi, Jethro komplieha: “et habitavit in nobis” u Jethro stess spjegalna xi jfissru dan il-kliem bil-Latin.
L-ewwel nett dan il-kliem minn fejn ġej? Ġej mill-Evanġelju skont San Ġwann. Vers 14 tal-ewwel kapitlu jgħid hekk: “L-Iben ta’ Alla sar bniedem u għammar fostna”. Sar wieħed minna anke bħala bniedem. Tant hu hekk li meta ġew biex isemmuh, semmewh bl-isem li kien għażel l-anġlu Gabrijel u li kien qalu lil Marija, omm Ġesù: “Inti ssemmih Ġesù għax hu jsalva lil bnedmin kollha” (Lq 1:31). Ġesù hekk tfisser: Alla jsalva.
Imma aħna niftakru wkoll li l-profeta, sekli qabel, kien qal li din it-tarbija li titwieled minn xebba jkunu jsejħulha ‘Għemmanu-El’ Alla magħna. Mela Ġesù għandu dawn l-ismijiet għeżież. Meta aħna niftakru li l-Iben t’Alla sar bniedem u għammar fostna, niftakru li hu Alla magħna. Din hi xi ħaġa li nixtieq li niftakru f’dan il-Milied: li Alla għammar fostna meta sar bniedem, sar tarbija biex ikun magħna dejjem, għax ismu Għemmanu-El, Alla magħna.
Fil-bidu tal-pageant sabiħa, waqt li qed jitkellem Jethro, it-tfal fakkruna fl-anġlu jkellem lill-mamà ta’ Ġesù, lil Marija, u jgħidilha: “Is-sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja. Il-Mulej miegħek” (Lq 1:28). Mela l-Mulej huwa anke ma’ kull wieħed u waħda minna meta jsejħilna biex nagħmlu xi ħaġa ta’ ġid. Il-kelma li qal l-anġlu lill-Madonna, fil-Kotba Mqaddsa nsibuha kull meta Alla jrid jagħti missjoni speċjali lil xi ħadd u jitolbu jagħmel xi ħaġa ta’ ġid, dejjem ifakkru: ‘Jiena miegħek, il-Mulej miegħek’.
U hemm kelma oħra li l-Mulej iħobb jgħid u l-anġlu Gabrijel qalha wkoll lill-Madonna: “La tibżax” (Lq 1:30). L-anġlu qalha wkoll lil San Ġużepp. Ġesù stess jgħidha lid-dixxipli tiegħu u jgħidha lil San Pietru: “La tibżax”. Mela aħna nagħmlu kuraġġ u nitlobuh biex meta jsejħilna aħna nħossuh magħna u ma nibżgħux.
Wara din il-Quddiessa intom se tippreżentaw offerta biex tgħinu lil ħafna nies fil-bżonn. Lil dawn in-nies li jibbenefikaw mill-Malta Community Chest Fund, immexxi mill-President tar-Repubblika, aħna wkoll ngħidulhom li “il-Mulej magħkom” imma aħna wkoll ninsabu magħkom għax ħafna drabi l-Mulej ikun magħna permezz ta’ xulxin. Kif se nħossu miegħi l-Mulej? Inħossu miegħi meta niltaqa ma’ nies li tassew jixtiquli l-ġid u jħobbuni. Il-Mulej ikun qed jinqeda bihom biex kontinwament ifakkarni: ‘La tibżax, jiena miegħek’.
U għalhekk nitolbu biex anke l-għajnuna li nagħtu, ħafna nies dan ix-xahar se jkunu ġenerużi, u jagħmlu sew, imma l-ftit li nagħtu, ejjew nagħmluh xi ħaġa iżjed profonda. Aħna magħkom, m’intomx weħidkom, la tibżgħux! Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna, meta ngħinu lil xulxin, dan ikun il-messaġġ li rridu nagħtu: m’intix waħdek, aħna qegħdin miegħek, la tibżax!
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
-
-
-
-
-
-
Ritratti: knisja.mt/ritratti