Il-Kurja tixtieq tiċċara xi fatti b’referenza għall-istqarrija maħruġa minnha u irrappurtata mill-media dwar in-numru ta’ allegazzjonijiet ta’ abbużi sesswali fuq minuri, u li saru kontra saċerdoti quddiem ir-Response Team, jiġifieri l-grupp mqabbad mill-Awtoritajiet tal-Knisja biex jinvestiga dawn l-allegazjonijiet.
Il-45 każ imsemmija, kif intqal fl-istqarrija oriġinali, huwa n-numru ta’ allegazzjonijiet li tressqu quddiem ir-Response Team, li huwa immexxi minn Imħallef. Dawn l-allegazzjonijiet tressqu f’dawn l-aħħar ħdax-il sena għaliex ir-Response Team ilu mwaqqaf mill-1999, imma f’uħud mill-każi l-allegazzjonijiet imorru lura għal fatti li allegatament seħħu saħansitra sas-snin sebgħin. Sal-lum ir-Response Team investiga l-45 każ. Minn dawn, 13-il każ għadhom pendenti, u sab li ma kienx hemm bażi f’19 il-każ, waqt li kien hemm bażi fuq 13-il-saċerdot. Erbgħa minn dawn is-saċerdoti kienu riferuti, kif suppost, lis-Santa Sede, u l-każi tagħhom ġew konklużi, instabu ħatja u ngħataw il-piena skond il-każ. Il-piena tvarja minn tneħħija mill-eżerċizzju tal-ministeru tas-saċerdozju għal-limitazzjoni tal-ħidma pastorali tagħhom b’tali mod li ma jistgħux ikollhom l-ebda ħidma mal-minorenni u jitqiegħdu taħt superviżjoni. Tliet saċerdoti oħra għad għandhom il-każ jinstema’ mit-Tribunal imqabbad mis-Santa Sede, waqt li fil-każ ta’ erbgħa oħra li kienu konklużi riċentement għad iridu jitressqu quddiem is-Santa Sede. Iż-żewġ saċerdoti l-oħra mietu.
Il-Knisja tieħu dawn il-każi bis-serjeta’ u minkejja li kemm il-Liġi Ċivili kif ukoll il-Liġi tal-Knisja għandha żmien ta’ preskrizzjoni fuq każi kriminali, it-Tribunal tal-Knisja jneħħi din il-preskrizzjoni fil-każ ta’ abbuż fuq minorenni u l-każi jibqgħu jkunu proċessati jkunu kemm ikunu antiki. F’kull każ, il-persuni konċernati jkunu nfurmati li minkejja li għamlu l-allegazzjoni quddiem l-awtorita’ tal-Knisja, xorta jibqgħalhom id-dritt li jirrapurtaw il-każ tagħhom lill-awtoritajiet ċivili.
Għall-Knisja anke każ wieħed ta’ abbuż huwa ħafna. Għalhekk intennu l-appell li għamlu l-Isqfijiet fl-Istqarrija tagħhom tat-8 ta’ April, 2010:
“Filwaqt li nappellaw lill-insara li f’materja gravi bħal din jikkoperaw mal-awtoritajiet kompetenti kollha, anke ċivili, nerġgħu ntennu dak li l-Knisja qalet sa mill-1999 li l-insara għandhom l-obbligu li minflok jisktu u jostru, jikkoperaw mal-Knisja biex fi ħdanha din il-pjaga tissaffa u titneħħa.”