Dwar dak li ntqal fuq is-sehem tal-Awtoritajiet tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, fis-Seminar tal-Festi organizzat mis-Soċjeta Muzikali Madonna tal-Gilju tal-Imqabba, irrid jiġi ċċarat dan li ġej.
L-awtoritajiet tal-Arċidjoċesi qatt ma rċevew stedina biex jindirizzaw dan is-seminar. Monsinjur Anton Gouder irċieva invit bil-programm lest u stampat, kif irċevew numru ta’ persuni u assoċjazzjonijiet oħra.
Kulħadd jaf li l-Knisja mhux iżżomm distanza mill-Festi, anzi mexxiet eżerċizju sħiħ biex il-Festi jkunu restawrati. Qed tagħmel kull sforz biex jintlaħaq kunsens dwar dan u kif diġa tħabbar ma’ assoċjazzjoni partikolari, intlaħaq ftehim fuq kollox. Hija l-prudenza u d-delikatezza tal-punt fejn waslu t-taħdidiet li ma tħalliniex nikkummentaw fuq il-punti ta’ dawn id-diskussjonijiet.
Fuq nota personali, Monsinjur Gouder kien bi ħsiebu jattendi mal-udjenza kif kien mistieden jagħmel, imma filgħodu stess kellu jkun preżenti fi sptar minħabba emerġenza tal-familja.