L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Is-sema u l-art jgħaddu imma kliemi ma jgħaddix”. Dan hu l-messġġ li Ġesù jwasslilna llum fl-Evanġelju li jfakkarna li kollox jgħaddi: id-dinja tispiċċa, aħna nispiċċaw il-ħajja tagħna hawnhekk f’din id-dinja; imma l-kelma tiegħu tibqa’ għal dejjem. Dal-kliem ta’ Ġesù jfakkarna f’dak li qal il-Profeta Iżaija: “Il-ħaxix jinxef, il-ward jidbiel, iżda l-kelma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem (Iż 40:8)
Dan il-messaġġ ta’ Ġesù jgħinna napprezzaw il-Kelma ta’ Alla, li aħna niċċelebraw fil-quddiesa imma li wkoll imsejħin biex ngħixuha f’ħajjitna. Hi din il-kelma li tagħtina d-dawl kif għandna ngħixu ħajjitna hawn. Tgħinna biex nagħżlu l-prijoritajiet – dak li jiġi l-ewwel – tgħinna biex nagħżlu dak li hu xieraq, dak li hu sewwa, dak li jogħġob tassew lil Alla li fl-aħħar mill-aħħar jibni s-soċjetà u hu ta’ ġid għall-bniedem.
Hi din il-kelma wkoll li tgħinna fil-mixja li twassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk il-kliem ta’ Ġesù hu – kif kien qal Pietru – il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem. Minn hawn nibdew imma biex naslu mbagħad fis-sema pajjiżna. F’dan iż-żmien, meta qegħdin noqorbu lejn l-aħħar tas-sena liturġika, nisimgħu ħafna fuq hekk. U l-kliem ta’ Ġesù m’għandux l-iskop li lilna jbeżżagħna, imma li lilna jgħinna naffaċċjaw ir-realtà kif inhi, u jħejjina għall-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk dak il-versett li smajna qabel l-Evanġelju: “Qawwu qalbkom u erfgħu raskom għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.” Dil-kelma tlestina għal-laqgħa tagħna ma’ Alla.
Din il-kelma tgħinna wkoll biex nagħrfu s-sinjali taż-żminijiet: is-sinjali ta’ Alla fl-Istorja u s-sinjali ta’ Alla wkoll fil-ħolqien, fin-natura. Ġesù, filwaqt li jgħid li s-sema u l-art jgħaddu, imma jridna napprezzaw is-sema u l-art, u l-frott tal-art. Għalhekk, Ġesù jgħid lid-dixxipli: ħarsu lejn is-siġra tat-tin u s-siġar l-oħra. Tgħallmu minn dawn. Araw fihom is-sinjali importanti għal ħajjitna. Nafu li l-kelma ta’ Alla hi mimlija hekk. Anke fis-salm stess smajna fuq l-għasfur, il-ħuttafa, il-bejta. Kemm hu importanti li aħna nagħrfu napprezzaw in-natura, biex din tkun għalina sinjal ta’ dak li Alla qed jgħidilna. Il-Mulej jagħtina l-grazzja li jibqgħalna natura li lejha nistgħu nħarsu, biex naraw il-kelma ta’ Alla wkoll f’dan.
Ġesù jgħid: “Kliemi ma jgħaddix”. Jibqa’. Imma aħna jista’ jiġrilna li l-kelma tiegħu tidħol minn widna u toħroġ minn oħra, u tibqa’ għaddejja. Forsi għax inkunu indifferenti, forsi għax tant inkunu ppreokkupati b’affarijiet, li għalina l-kelma tibqa’ għaddejja. Ġesù jridna nintebħu li f’dak il-każ, hu aħna li nbatu. Jekk il-kelma tiegħu tibqa’ għaddejja minn fuq rasna u ma ngħixuhiex, hu aħna li nbatu. U aktarx ibatu wkoll l-oħrajn, u tbati wkoll in-natura, il-ħolqien, kif nistgħu naraw meta ma nagħtux każ il-Kelma ta’ Alla.
Illum nitolbu lill-Mulej il-grazzja li tkun il-Kelma ta’ Alla li tmexxina f’ħajjitna, li aħna ngħożżu din il-kelma li tibqa’ għal dejjem, u norbtu qalbna mhux ma’ dak li jgħaddi imma ma’ dak li jibqa’ għal dejjem.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju