Illum, is-Sibt, 28 ta’ Novembru 2020, fl-4pm, il-Knisja se jkollha 13-il kardinal ġdid. Disgħa minnhom huma iżgħar minn 80 sena u għalhekk, għandhom id-dritt jipparteċipaw f’konklavi. L-erbgħa l-oħra għandhom aktar minn 80 sena.

Tnejn mill-kardinali l-ġodda jaħdmu fil-Kurja Rumana: Is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, l-Isqof Emeritu Mario Grech, u Marcello Seme, l-Isqof Emerity ta’ Albano u l-Prefett il-ġdid tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin.

Magħhom se jingħaqdu wkoll sitt mexxejja oħra Kattoliċi minn madwar id-dinja: l-Arċisqof ta’ Kilgali fir-Rwanda, Antoine Kambanda; l-Arċisqof ta’ Washington, l-Istati Uniti, Wilton Gregory; l-Arċisqof ta’ Capiz fil-Filippini, Jose Fuerte Advincula; l-Arċisqof ta’ Santiago, iċ-Ċilì, Celestino Aós Braco; il-Vigarju Appostoliku tal-Brunej, Cornelius Sim; u l-Arċisqof ta’ Siena fl-Italja, Augusto Paolo Lojudice.

Barra minn hekk, il-Papa ħatar ukoll lill-gwardjan preżenti tal-Kunvent Franġiskan f’Assisi Mauro Gambetti.

Ma’ dawn il-kardinali li għandhom inqas minn 80 sena, il-Papa Franġisku għażel erba’ oħra li għandhom iktar minn 80. Dawn huma: Felipe Arizmendi Esquivel, Arċisqof Emeritu ta’ San Cristóbal de Las Casas (il-Messiku); l-eks Nunzju Appostoliku Silvano Tomasi, eks osservatur permanenti fin-Nazzjonijiet Magħquda f’Ġinevra li mbagħad ħadem fid-Dikasterju għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Uman Integrali; il-Patri Kapuċċin Raniero Cantalamessa, predikatur tad-Dar Papali; u r-ragħaj tas-Santwarju tal-Imħabba Divina, Patri Enrico Feroci.