• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

  • Id-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi
    24 ta’ Awwissu 2019

    Nixtieq li llum ninkoraġġikom ħafna f’dil-missjoni li intom għandkom li tgħixu tassew bħala familji Nsara u li tmexxu ’l quddiem il-vokazzjoni ta’ familji Nsara.

    Ispirati mill-Kelma ta’ Alla, nixtieq insemmi tliet punti li niġborhom fi tliet kelmiet li huma l-messaġġ għalikom fil-ħajja u l-missjoni tagħkom.

    Pożittività

    L-ewwel kelma hi: pożittività. Aħna nxandru l-Bxara t-Tajba. Fis-salm għedna: “Morru fid-dinja kollha xandru l-Evanġelju” – li tfisser il-Bxara t-tajba. Rajna wkoll l-enfasi tal-Profeta Isaija li nxandru “s-sebħ tal-Mulej” qalb il-ġnus. Aħna msejħin biex inwasslu lin-nies dak li hu tajjeb, dak li hu sabiħ, dak li hu ta’ ġmiel. Hu importanti, kif jenfasizza Papa Franġisku, li din tkun l-esperjenza tan-nies tal-Kelma li xxandar il-Knisja.

    Fil-qofol tal-Bxara t-Tajba hemm il-kliem ta’ Ġesù: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem”. (Ġw 3:16)

    Illum xi ħadd jista’ jaqbad minuta u nofs milli ngħid, jitfagħha fuq il-media u jgħid: “ara dan x’qed jgħid kontra dak u kontra l-ieħor”. Ma tkun vera xejn, imma ħafna min-nies dak jisimgħu u tasal għandhom aħbar ħażina.

    Irridu noqogħdu attenti mit-tentazzjoni li nittieħdu mill-ambjent u flok inkunu xandara tal-Bxara t-Tajba, inwasslu aħbarijiet ħżiena. Ukoll fejn tidħol il-familja, importanti li nkunu realistiċi u ngħidu d-diffikultajiet u l-problemi li hemm illum fis-soċjetà u nsejħulhom b’isimhom; imma aħna m’aħniex xandara tal-aħbarijiet ħżiena biex inkomplu nirrepetu dawn u lin-nies naqtgħulhom qalbhom u nħalluhom f’qagħda agħar milli jkunu. Għalhekk m’għandniex nittieħdu mill-ambjent ta’ madwarna fejn qisha l-ħajja normali hi li twassal l-aħbarijiet ħżiena; li tiskanta bl-aħbarijiet ħżiena u tkompli xxandarhom.

    Illum irridu noqogħdu attenti aktar għax qed ngħixu f’dinja ta’ komunikazzjoni soċjali. Nafu li jekk jien qed nitkellem illum, xi ħadd jista’ jaqbad minuta u nofs milli ngħid, jitfagħha fuq il-media u jgħid: “ara dan x’qed jgħid kontra dak u kontra l-ieħor”. Ma tkun vera xejn, imma ħafna min-nies dak jisimgħu u tasal għandhom aħbar ħażina. U l-esperjenza tagħhom tal-Knisja tkun ħażina. U jemmnu dak li jaraw mal-ewwel daqqa ta’ għajn, għax ħafna min-nies m’għandhomx sabar ifittxu biex jaraw il-verità sħiħa u sfortunatament dak itaqqlilhom qalbhom u jitqarrqu.

    Nitolbu lil Alla biex aħna nkunu xhieda tal-Aħbar it-Tajba, li nwasslu l-imħabba ta’ Alla kif Ġesù kien jagħmel kull fejn imur.

    Kultant jiġri li jkun hemm min viċin ħafna drawwiet tal-knisja imma qalbu ’l bogħod minn Alla.


    Koerenza

    It-tieni punt jinġabar fil-kelma: koerenza. Li tfisser li aħna ngħixu dak li nemmnu. Ma nkunux nies li ngħidu u nemmnu mod u nagħmlu mod ieħor. Dawn in-nies li jsemmi Ġesù fil-parabbola kienu nies li jidhru viċin tal-Mulej. Jgħidulu: “Aħna kilna u xrobna miegħek”. (Lq 13:26) U t-tweġiba tkun: “Morru minn quddiemi, intom li tagħmlu dak li mhux sewwa.” (Lq 13:27)  Hawn min ikun viċin u jaħseb li għax viċin għandu xi garanzija għall-ħajja ta’ dejjem jagħmel x’jagħmel. Ħażin jekk nippretendu li għandna xi garanzija għax midħla tal-knisja. Kultant jiġri li jkun hemm min viċin ħafna drawwiet tal-knisja imma qalbu ’l bogħod minn Alla.

    Ma tistax int tgħolli l-kuruna tar-Rużarju u tgħid “Il-Madonna se ssalvana”, imma mbagħad tagħmel il-kontra ta’ dak li għallimna Ġesù, u tobgħod lill-barrani. Ikun nuqqas ta’ koerenza.

    L-importanti hi l-ħajja konkreta li togħġob lil Alla. Għalhekk, it-talba li nagħmlu hi li nkunu qrib tal-Mulej f’dak li jitlob minna fil-ħajja tagħna.

    Inklussività

    It-tielet punt: l-inklussività. Fl-Evanġelju n-nies staqsew lil Ġesù: “ftit huma li jsalvaw?” (Lq 13:23) Qishom kienu qed jippretendu l-esklussività – li se jsalva poplu wieħed biss. Ġesù ma jweġibx għad-domanda dwar numri għax dik mhix affari tagħna imma tal-Mulej. Lil dawk li staqsewh jgħidilhom: “idħlu mill-bieb id-dejjaq”, imbagħad jgħid: “jiġu mil-Lvant, mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar.” (Lq 13:30) Proprjament qed jgħid: jiġu ħafna minn kullimkien. Dan hu li smajna wkoll fl-ewwel qari mill-profeta Isaija: “Għad niġi niġbor il-ġnus kollha, u l-popli ta’ kull ilsien; dawn jiġu u jaraw is-sebħ tiegħi.”

    Jiġifieri: Alla hu ta’ kulħadd. Hu jrid li lkoll kemm aħna, aħna min aħna u minn fejn aħna, inkunu qrib tiegħu. Din tgħinna biex niftakru li ma nistgħux nifirdu lin-nies: dawk mhux magħna, dawk ta’ razza, ilsien, kategorija oħra. Alla ma jagħmilx hekk. Hu ta’ kulħadd. Jidħlu fis-saltna tiegħu dawk in-nies li jkunu qrib tiegħu fil-ħajja tagħhom.

    Il-Knisja hi ta’ kulħadd. Tilqa’ lil kulħadd. U trid tgħin lil kulħadd biex jiskopri lill-Mulej.

    Nitolbu lill-Mulej il-grazzja biex aħna nkunu tassew tiegħu. Nitolbuh biex dejjem jinkoraġġina fil-ħajja ħalli nkunu pożittivi, koerenti u inklussivi fil-ħajja u fil-ħidma tagħna.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju