• Knisja li tisma’ mingħand in-nies

  • F’dawn il-jiem qed jintbagħat fid-djar kollha ta’ Malta u Għawdex il-‘Kwestjonarju għas-Sinodu tal-Isqfijiet’, biex jitqassam fost l-Insara skont ix-xewqa tal-Papa Franġisku. Dan il-kwestjonarju dwar il-familja qed isir biex tinġabar l-informazzjoni bi tħejjija għas-Sinodu Straordinarju tal-Isqfijiet fl-2014.

    Il-Konferenza Episkopali Maltija kkummissjonat lill-Istitut għar-Riċerka dwar is-Sinjali taż-Żminijiet (DISCERN) biex din il-konsultazzjoni ssir fl-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex.

    Biex dan il-kwestjonarju jiġi mwieġeb minn kemm jista’ jkun nies, u peress li kien miktub b’mod tekniku, inħass il-bżonn li dan jiġi ssimplifikat mingħajr ma jitnaqqas xejn minnu. Għalhekk, barra li ġie tradott għall-Malti u l-Ingliż, ċerti mistoqsijiet ġew maqsumin f’diversi domandi.

    Ġie deċiż li, biex jintlaħaq l-akbar numru ta’ nies possibbli, dan il-kwestjonarju jitqassam bil-posta f’kull dar f’Malta u Għawdex. Barra minn hekk, il-kwestjonarju huwa disponibbli wkoll online fuq is-sit www.kwestjonarju.com

    Jekk ikun hemm aktar minn persuna waħda fl-istess dar li tixtieq timla dan il-kwestjonarju, jistgħu jinkisbu kopji mill-knejjes parrokkjali jew mill-uffiċċju tad-Discern fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana.

    Min ikollu diffikultà li jwieġeb xi mistoqsija għandu jkompli jwieġeb id-domandi l-oħra u ma jfittixx it-tweġibiet online jew fi kwalunkwe sors ta’ informazzjoni oħra. Dan għaliex l-iskop tal-kwestjonarju hu li tinġabar l-informazzjoni dwar dak li jafu u dwar kif jaħsbuha n-nies.

    Ikun ta’ vantaġġ għad-Discern li l-kwestjonarju jimtela u jintbagħat kmieni, jew bil-posta kif indikat fil-kwestjonarju, jew billi jitħalla f’kaxxi apposta fil-knejjes parrokkjali, jew online. Il-kwestjonarju għandu jintbagħat sa nhar it-Tlieta 31 ta’ Diċembru 2013.

    Wara li jinġabru l-kwestjonarji bil-fatti u l-opinjoni espressa min-nies, l-informazzjoni kollha ser tinġabar u tingħata lill-Isqfijiet biex jitħejja rapport finali li jintbgħat Ruma biex imbagħad jitħejja d-dokument preparatorju għas-Sinodu tal-Isqfijiet. L-għan tas-Sinodu hu li jistudja x’tip ta’ pastorali għandha bżonn il-Knisja biex l-Evanġelu jitħabbar lill-familja fil-kuntest tal-ħajja tal-lum.