Il-Knisja f’Malta organizzat it-tieni laqgħa online dwar il-proċess ekkleżjali ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’, li saret it-Tlieta 27 ta’ April 2021. Għall-webinar bit-tema ‘Knisja li tisma’’ attendew madwar 170 parteċipant fuq il-pjattaforma Zoom. Il-preżentazzjoni, il-filmat u d-diskussjoni fil-gruppi permezz tal-breakout rooms iffukaw fuq l-attitudni pastorali tas-smigħ b’enfasi fuq x’tip ta’ smigħ għandna nagħmlu bħala dixxipli missjunarji u bħala Knisja.
Il-parteċipanti ddiskutew tliet mistoqsijiet marbuta ma’ din il-proċess: x’inhu meħtieġ biex is-smigħ tal-Kelma jitpoġġa fiċ-ċentru u x’riżorsi hemm bżonn biex dan isir; x’inhu meħtieġ biex is-smigħ iwassal għal għaqda ikbar tal-komunità Nisranija u biex ikun hemm komunikazzjoni aħjar; u s-smigħ tar-realtà li jwassal ghal tweġiba pastorali kuraġġjuża li hi meħtieġa fis-sitwazzjoni tal-lum li ġiet affettwata daqstant mill-pandemija.
Għall-webinar bil-parteċipazzjoni ta’ diversi persuni involuti fil-ħajja tal-Knisja attendew kappillani u lajċi attivi fil-parroċċa, provinċjali u membri ta’ ordnijiet reliġjużi, operaturi pastorali, membri ta’ segretarjati, kummissjonijiet u entitajiet tal-Knisja, kapijiet u rappreżentanti tal-iskejjel tal-Knisja, u membri ta’ komunitajiet u għaqdiet fi ħdan il-Knisja.
Il-webinar intemm b’messaġġ mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi li jmexxi l-Kummissjoni ta’ kordinament ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’. L-Isqof Galea-Curmi semma’ kemm hu importanti li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u daqstant ieħor li nisimgħu lil xulxin, biex nifhmu iktar ir-realtà ta’ madwarna u b’hekk noffru tweġiba pastorali li tgħodd għall-ħtiġijiet reali tal-persuna. Semma kemm hu importanti li nisimgħu wkoll lit-tfal, u dan jgħin biex meta jsiru żgħażagħ ikunu draw jsemmgħu leħinhom fis-soċjetà li tant hi għatxana għall-verità. Punt ieħor li tqajjem u li ssemma diversi darbi matul il-laqgħa kien dwar l-importanza tas-silenzju fil-ħin tat-talb inkluż fil-knisja, biex in-Nisrani jisma’ lil Alla u jagħraf dak li qed isejjaħlu għalih.
Agħfas hawn biex taqra d-diskors sħiħ tal-Isqof Galea-Curmi.
Għal iktar tagħrif dwar il-proċess ekkleżjali ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’ żur vjagg.knisja.mt jew ibgħat email fuq [email protected].