• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     Il-Knisja Parrokkjali, San Ġwann
    21 ta’ Settembru 2018

    Hemm żewġ kelmiet li juru tajjeb x’għandha tkun il-ħajja tal-Knisja u għalhekk li għandhom ikunu fil-qalba tal-ħajja tal-parroċċa: komunjoni u missjoni. Nixtieq li naħsbu ftit fuq x’ifissru dawn iż-żewġ kelmiet fl-okkażjoni sabiħa tat-53 sena mit-twaqqif tal-Parroċċa ta’ San Ġwann.

    Komunjoni

    Talba kontinwa li għamel Ġesù fl-Aħħar Ikla mad-dixxipli tiegħu kienet: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda”. Mhux darba jgħidha, imma ħames darbiet. Kien jaf Ġesù li waħda mill-ikbar sfidi għall-Knisja kienet se tkun l-għaqda, il-komunjoni. U għalhekk għamel din it-talba insistenti. Nafu aħna li fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, meta jissemma s-sabiħ tal-ewwel insara, jingħad li kienu lkoll ħaġa waħda, jaqsmu kollox u jiftiehmu bejniethom. Imma ma kienx hemm is-sabiħ biss; kien hemm ukoll id-diffikultajiet, u ġieli serji, ta’ konflitti bejn gruppi ta’ Nsara. Niftakru lil San Pawl jilmenta u jgħidilhom: għaliex qed tgħidu ‘jien ma’dak’ u ‘jien mal-ieħor’? Aħna mhux ilkoll ma’ Kristu? Jekk wieħed jiżra’ u l-ieħor iħawwel, mhux Alla hu li jkabbar?

    Hu Alla li jagħtina dan l-ispirtu ta’ komunjoni. Meta nilqgħuh f’qalbna, imbagħad insiru strumenti tal-paċi u l-imħabba tiegħu fi ħdan il-komunità u ngħixu l-kliem ta’ San Pawl lill-Efesin, li smajna fil-Kelma ta’ Alla llum: “Bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u s-sabar, aħmlu ’l xulxin bl-imħabba; fittxu li żżommu l-għaqda tal-Ispirtu bir-rabta tas-sliem.” Ħa naħdmu tassew b’dan l-ispirtu biex inkunu ħaġa waħda għax għandna “Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda, Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd.”

    L-ispirtu ta’ komunjoni jgħinna napprezzaw il-valur ta’ xulxin, nirrispettaw id-diversità li jkun hemm fil-komunità li tagħmilha komunità inklużiva u sabiħa. San Pawl jispjega kif lil kull wieħed minna ngħatat il-grazzja minn Alla. Kulħadd għandu kontribut x’jagħti fil-komunità. Meta nagħtu dan is-sehem tagħna, inkunu qed ninbnew flimkien, u nkunu qed nibnu l-Knisja.

    L-ispirtu ta’ komunjoni jgħinna wkoll negħlbu dak kollu li jġib il-firda – l-għira, il-kliem li jweġġa’, l-insulti, il-pika, is-suppervja, l-egoiżmu. Tinnota kultant f’xi parroċċi f’Malta nies ikantaw b’ċertu ton aggressiv: ‘aħna l-aqwa, l-akbar, l-aħjar’. Nitolbu lill-Mulej jgħinna nifhmu li l-parroċċa tkun l-aqwa, l-akbar, l-aħjar aktar ma jkollha b’saħħitha din il-komunjoni.

    Missjoni

    Il-komunjoni mbagħad twassalna għall-missjoni. Meta ngħidu ‘missjoni’ ma tfissirx biss li tmur f’xi pajjiz imsejjaħ tal-missjoni, bħalma għandhom il-Kapuċċini stess. Dak ukoll, u hu servizz imprezzabbli. Imma aħna msejħin biex hawnhekk stess, il-komunità tkun missjunarja fis-sens li jsemmi Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika Il-Ferħ tal-Evanġelju, n. 27, meta jgħid li din hi l-ħolma tiegħu: “Noħlom li nagħmlu għażla missjunarja li kapaċi tibdel kull ħaġa, biex hekk id-drawwiet, l-istili, il-ħinijiet, il-lingwaġġ u kull struttura ekkleżjali jsiru kanal tajjeb għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja tal-lum, iktar milli għall-awtopreservazzjoni.” 

    Din l-għażla tfisser li ma nkunux kuntenti nduru magħna nfusna, medhijin bina nfusna, nieħdu gost għax tagħna f’tagħna; imma noħorġu nwasslu l-Aħbar it-Tajba. Noħorġu niltaqgħu man-nies fejn qegħdin, noħorġu nfittxu lil min tbiegħed mill-Knisja, min b’xi mod inqata’ minn mal-komunità, min m’għadux jemmen; kif ukoll min qed ibati waħdu u forsi t-tbatija tiegħu ħadd ma jaf biha. Dawn ilkoll huma għeżież ħafna għalina.

    Hekk għamel Ġesù llum meta ltaqa’ ma’ Mattew – ma ltaqax miegħu fit-tempju imma fuq il-mejda tat-taxxi. Hekk għallem Ġesù meta kien hemm min skandalizza ruħu għax kien jiekol mal-pubblikani u mal-midinbin. Qalilhom: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma b’saħħithom, iżda l-morda…mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin.” Nitolbu lill-Mulej biex ikollna dejjem mhux biss qalb miftuħa għal kulħadd, imma ħeġġa biex inwasslu l-imħabba ta’ Alla wkoll fejn bniedem ikun qata’ qalbu minnha.

    Marija: xhieda ta’ komunjoni u missjoni

    Marija hi l-Omm tal-Knisja li tagħti dejjem xhieda ta’ komunjoni u missjoni. F’ħajjitha kienet dejjem strument ta’ għaqda u kienet dik li takkumpanja lil binha fil-missjoni tiegħu li jilħaq lil kulħadd. Hekk kienet ukoll fil-bidu tal-ħajja tal-Knisja fost l-appostli u l-komunità tal-ewwel Insara. Hekk hi wkoll illum. Nitolbuha biex f’din il-parroċċa ddedikata lilha – Madonna ta’ Lourdes – hi tgħinna lkoll inkunu bħalha xhieda ta’ komunjoni u missjoni.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
       Isqof Awżiljarju

    Qari tal-quddiesa:

    Qari I: Efesin 4:1-7.11-13
    Salm 18
    Evanġelju: Mt 9:9-13

    Ir-ritratti se jkunu aċċessibbli fuq il-websajt tar-Ritratti Uffiċjali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta