L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
“Mhux ħlief dar Alla u dan bieb is-smewwiet”. Aħna u nikkonsagraw l-Knisja ż-Żgħira kif nafuha, it-talba tagħna hija li aħna nkomplu nikbru bħala l-poplu ta’ Alla. Jekk inti tfittex id-dar ta’ Alla, tħarisx lejn ġebel, ħares lejn il-poplu ta’ Alla.
Kif għidna fil-barka sabiħa qabel raxxaxna l-ilma mbierek fuqna, bil-Magħmudija aħna sirna t-tempju ta’ Alla, personalment u bħala komunità. Il-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja tant għażiża għalina, li fit-tarf tar-raħal dak iż-żmien kienet ukoll sinjal tal-protezzjoni ta’ Alla fuq il-poplu ta’ Ħal Qormi, hija statement sempliċi daqskemm hu qawwi. Aħna u nikkonsagraw il-bini għażiż irridu nkomplu nikbru f’komunità ta’ fidi, ta’ tama, u ta’ mħabba.
It-tama tgħinek li meta tħossok waħdek tifhem li Alla m’abbandunakx, li meta tħossok mgħobbi bit-toqol tal-ħajja tifhem li Alla mhux se jgħabbik iżjed milli tiflaħ.
Il-fidi x’inhi? Li inti tagħraf li Alla jħobbok u tafdah bħala missier li jieħu ħsiebek. Il-fidi tgħinek tieħu l-Kelma tiegħu bis-serjetà, tisimgħu, tafdah u tobdih.
It-tama tgħinek biex fil-mument tad-dlam, ma taqtax qalbek. Għandek ankra marbuta ma’ blata samma u meta jonfoħ ir-riħ qawwi inti m’intix se tiġġarraf għax it-tama hija l-ankra li żżommok sod. It-tama tgħinek li meta tħossok waħdek tifhem li Alla m’abbandunakx, li meta tħossok mgħobbi bit-toqol tal-ħajja tifhem li Alla mhux se jgħabbik iżjed milli tiflaħ.
L-imħabba tagħmilna tassew ulied Alla għax Alla huwa mħabba u l-imħabba lejn Alla li ma narawhx, tissarraf fil-verità, fl-imħabba ta’ ħutna li jħokku magħna, li naraw kuljum, li kultant idejquna, li jkollna nieħdu paċenzja bihom, huma jieħdu paċenzja bina wkoll. L-imħabba konkreta hija sinjal li l-imħabba lil Alla li ma jidhirx, hija ta’ vera.
Aħna bħala komunità rridu nħaddnu dawn il-valuri, irridu nissaffew minn dak kollu li jbegħedna minn Alla u nħaddnu bil-qawwa dak li għamilna xebh tiegħu. “Kunu perfetti bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”. U Ġesù biex jispjegalna din juża l-maħfra: “Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12).
Jalla l-Mulej hu u jikkonsagra dan it-tempju jġedded fina l-konsagrazzjoni tagħna bħala Nsara
Aħna llum qegħdin nikkonsagraw din il-knisja waqt li nħarsu lejn il-knisja l-kbira, dik kibret u għandna bżonn inkomplu nieħdu ħsiebha dejjem, imma aħna u nikkonsagraw dan il-maqdes li fih niġu biex naduraw ’l Ġesù Ewkaristija, matulek ja ġurnata, qegħdin ngħidu fost it-taqlib tad-dinja: ‘għandna bżonn nieqfu u nidħlu fit-tinda tal-laqgħa bejna u bejn Alla’. Irridu nifhmu u dan hu l-istatement li qegħdin nagħmlu, li aħna għandna bżonnu lill-Mulej. Niftakru fit-talba sabiħa li għallimna San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’.
Ħal Qormi hekk qed jgħid illejla aħna u nikkonsagraw il-Knisja ż-Żgħira: ‘Sinjur Alla, aħna għandna bżonnok. Kompli berikna, bierek il-familji tagħna, iż-żgħażagħ tagħna, il-ħaddiema tagħna, is-saċerdoti u r-reliġjużi, il-miżżewġin kollha, il-professjonisti, dawk kollha li jitħabtu għar-raħal, għall-belt Pinto. Aħna għandna bżonnok, għandna bżonnok biex taħfrilna dnubietna u għandna bżonnok biex aħna ngħixu bħal aħwa ma’ kulħadd’.
Jalla l-Mulej jagħtina l-grazzja li nbiegħdu minn qalbna, minn moħħna u minn fommna kull kelma iebsa, kull kelma kiefra, kull kelma li tniggeż. Jalla l-Mulej hu u jikkonsagra dan it-tempju jġedded fina l-konsagrazzjoni tagħna bħala Nsara, u min jarana taf kif se jagħrafna? “Minn dan jagħrfu li intom tiegħi jekk tħobbu lil xulxin”.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Rum 7, 18-25a
Salm: 118 (119), 66.68.76.77.93.94
Evanġelju: Lq 12, 54-59