L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Il-Mulej jixtieq li ntellgħu l-offerta tagħna fuq l-artal anke għaliex meta qalilna biex nagħmlu dak li għamel hu b’tifkira tiegħu, kien qed jirreferi għall-offerta tal-ħobż u l-inbid li bil-qawwa tal-ispirtu u l-kelma ta’ Ġesù jsiru l-ġisem u d-demm tal-imgħallem.
Dik hi l-offerta tagħna. “Jekk tkun qiegħed ittella’ l-offerta tiegħek fuq l-artal”, jekk qiegħed tipprepara biex tiċċelebra l-Ewkaristija, “u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, imbagħad ejja tella’ l-offerta tiegħek” (Mt 5:23-24).
L-Ewkaristija għalina trid tissarraf fil-ħajja tagħna u fl-għożża lejn xulxin, fl-imħabba u fil-maħfra ta’ xulxin. Għalhekk, fil-bidu ta’ kull Ewkaristija aħna nitolbu maħfra ’l Alla. “Nistqarr ’l Alla li jista’ kollox u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, bil-kliem, bil-għemil u billi ħallejt dmirijieti: ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-akbar ħtija tiegħi. Għalhekk nitlob lill-Imqaddsa Marija dejjem Verġni, lill-anġli u ’l-qaddisin kollha u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.” Il-maħfra li aħna nitolbu tfisser ukoll li aħna lesti naqsmuha ma’ ħutna bħalma għallimna l-Mulej Ġesù.
F’kull Ewkaristija aħna nitolbu t-talba kif għallimna hu: “Missierna li inti fis-smewwiet aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:9.12). Ġesù huwa ċar fuq din il-ħaġa: jekk ma taħfrux bil-qalb lil min jonqoskom, Missieri ma jaħfrilkomx. Aħna nafu li l-Mulej għandu ħerqa kbira li jaħfrilna, għandu ħerqa kbira jdewwina, isaffina u jfejjaqna. Il-Mulej jitlob li aħna u nippreparaw l-artal għall-Ewkaristija nkunu lesti naħfru lil xulxin.
Tgħiduli, għaliex issemmi din? Għax din hija l-għola espressjoni tal-imħabba. Faċli tħobb lil min iħobbok imma min jgħaddi min-nar tal-imħabba jaf li ħafna mill-ġamar tiegħu jfisser ukoll il-maħfra ta’ xulxin. Mingħajr din ir-rieda, l-ebda mħabba ma tista’ ddum. Fil-fatt, il-Papa Franġisku, meta jkellem lill-għarajjes u lill-miżżewġin jgħidilhom biex jiftakru fi tliet kelmiet: jekk jogħġbok, grazzi u aħfirli. Il-kelma ‘aħfirli’ hija importanti għax hija parti mil-lingwaġġ tal-imħabba.
Mela l-Mulej, meta jitlobna nirrikonċiljaw ruħna bejnietna qabel niċċelebraw l-Ewkaristija, qed jgħidilna li l-Ewkaristija mhijiex ritwal vojt, iżda hija l-għola espressjoni tal-imħabba għax “m’hemmx imħabba akbar minn din li wieħed jagħti ħajtu għall-ħbiebu” (Ġw 15:13). U dan li aħna se niċċelebraw fuq l-artal imqaddes li se nikkonsagraw lil Alla: l-imħabba tal-Mulej li jagħtina ħajtu għalina.
San Pawl jgħidilna li wieħed bilkemm jagħti ħajtu għall-ħbiebu, aħseb u ara għal xi ħadd li jkun għamillu xi offiża. Imma hekk għamel il-Mulej. Qabel ċarċar demmu għalina, il-Mulej ma qadtx iħares lejna jara aħniex bravi jew le. Veru għeraq l-għaraq tad-demm u aħna għamilnielu hekk, imma ħabbna u ta ħajtu għalina. San Ġwann jgħallimna li l-qawwa li nħobbu tiġi meta aħna niftakru kemm iħobbna Alla, u dan hu proprju li niċċelebraw meta nikkonsagraw l-artal lill-Ewkaristija.
L-artal huwa magħmul mill-irħam li ġej mill-ġuf tal-art. Anke l-artal hu frott tal-art u xogħol il-bniedem, bħalma hija l-offerta li se nippreżentaw fuq l-artal: frott tal-art u xogħol il-bniedem. Dan il-frott tal-art u xogħol il-bniedem jitla’ bħala offerta sabiħa lil Alla. Imma biex tkun sabiħa u milqugħa quddiem Alla trid tkun ta’ vera, trid tkun mill-qalb, trid tkun sinjal ta’ mħabba.
Xi tfisser fil-providenza t’Alla din li qed niċċelebraw it-twaqqif ta’ din il-parroċċa bħala bażilika minuri mill-Papa Franġisku u nikkonsagraw l-artal f’dan il-kuntest tal-pandemija? Illum kulħadd bil-visor jew bil-maskra, xi ħaġa mhux tas-soltu. Nixtieq infakkarkom li dan il-post għażiż, nibdew mill-grotta li hija fil-ġuf tal-art mhux ’il bogħod minna, hija l-post fejn Pawlu fejjaq lill-Maltin. Wara li fejjaq lil missier Publiju, f’kapitlu 28 l-Atti tal-Appostli jgħidulna li l-morda kollha tal-gżira ġew għandu, hawnhekk fil-grotta, u hu fejjaqhom fl-isem tal-Mulej Ġesù (ara Atti 28:9). Ikun hemm xi ħadd jgħid li dan kien il-bidu tas-servizz tas-saħħa b’xejn. Tradizzjoni qaddisa li jalla ddum.
Il-Maltin laqgħu dan id-don tal-fejqan f’isem Ġesù Kristu, mill-qaddej tiegħu Pawlu. Imma wkoll hawnhekk semgħu l-kelma tal-Appostlu Missierna u rawh jaqsam il-ħobż, ibierek il-kalċi tal-ġisem u d-demm ta’ Ġesù. Dan l-imkien għażiż li għaqqad l-Ewkaristija mal-fejqan, f’dan il-mument ta’ pandemija jrid ikun għalina kalamita li tipperswadina li rridu ngħożżu lil xulxin, nobdu lill-awtoritajiet tas-saħħa u niġbdu ħabel wieħed. Il-virus ma jħares lejn wiċċ ħadd. Il-fejqan tagħna jiddependi minn kull wieħed u waħda minna.
Ilum nitolbu ’l-Mulej biex bl-interċessjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl ikompli jifrex fuqna l-qawwa tal-fejqan tiegħu u li minn fuq dan l-artal, il-frott tal-art u xogħol il-bniedem, jinbidel fl-ikbar barka: il-ġisem u d-demm għażiż ta’ Ġesù.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta