L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Dis‑sena 2022 bdejnieha bl‑iktar mod ikrah fejn tidħol l‑għożża tal‑ħajja. Il‑qtil ta’ Paulina Dembska, it‑tfajla Polakka, fit‑2 ta’ Jannar kmieni filgħodu, qtil b’mod mill‑aktar brutali, li bir‑raġun ħoloq reazzjoni qawwija fis‑soċjetà Maltija. Din kienet persuna li f’daqqa waħda sabet il‑mewt ma’ wiċċha, mhux b’inċident imma b’delitt. Ħajjitha ntemmet ħesrem.

B’kuntrast, nixtieqkom taħsbu f’Rayan, tifel ta’ ħames snin li ftit ġranet ilu waqa’ ġo bir fond, xi 32 metru, fil‑Marokk. Saru sforzi kbar, bis‑sehem ta’ ħafna ħaddiema tas‑salvataġġ u makkinarji, biex jaslu sa ħdejh billi jħaffru trinka ħdejn it‑toqba minn fejn waqa’ u jagħmlu tunnel. Stinkaw u għamlu minn kollox biex jaraw li jibqa’ ħaj u forsi jirnexxilhom isalvawh, u wara ħafna taħbit ilbieraħ waranofsinhar waslu sa ħdejh imma ma rnexxilhomx joħorġuh ħaj.

Dawn iż‑żewġ ġrajjiet f’kuntrast kbir għandhom żgur isaħħuna fl‑impenn tagħna li nagħrfu li l‑ħajja umana hi imprezzabbli u għandna nagħmlu kull sforz biex nipproteġuha u nsalvawha.

Miżuri għall‑protezzjoni tal‑ħajja

Il‑valur tal‑ħajja stajna nifhmuh ħafna aktar fl‑esperjenza kerha tal‑pandemija COVID‑19 li għexna u li għadna qed ngħixu. Hu virus li jhedded is‑saħħa imma wkoll il‑ħajja ta’ ħafna – u rridu niftakru li bħalissa kuljum nisimgħu b’numru ta’ mwiet. Din l‑esperjenza kiefra tgħinna nagħrfu kemm il‑ħajja hi prezzjuża u jeħtieġ li tiġi mħarsa minn dak kollu li jheddidha. Irridu nuru l‑apprezzament għal dawk kollha li ħadmu u qed jaħdmu għall‑protezzjoni tal‑ħajja fiż‑żmien tal‑pandemija.

Il‑ħajja għażiża mill‑ewwel mument

Illum qegħdin hawn biex nistqarru li l‑ħajja umana hi għażiża mill‑ewwel mument tat‑tnissil tagħha, u li tibqa’ għażiża sat‑tmiem naturali tagħha, jiġifieri f’kull waqt tagħha. Niftiehmu mill‑ewwel: mhijiex biss għażiża għalina l‑Insara li nemmnu, hi għażiża wkoll għal kull min għandu l‑valur tal‑ħajja umana.

Bħala bnedmin ta’ prinċipju, għandu jkollna tolleranza żero għal kull theddida għall‑ħajja, u nħeġġu kull tip ta’ azzjoni favur il‑ħajja

Nixtieq li tkun ċara li meta aħna nitkellmu fuq l‑għożża tal‑ħajja mill‑ewwel mument tat‑tnissil, u r‑rispett lejn id‑dinjità ta’ din il‑ħajja li bdiet, ma ngħidux hekk għax il‑fidi tgħidilna li hemm il‑ħajja umana mill‑konċepiment, jew għax il‑Knisja tgħidilna hekk. Hi x‑xjenza li tgħidilna din. Anke scan tat‑tarbija fil‑ġuf turik l‑iżvilupp gradwali tal‑ħajja umana meta tarbija għadha ma twelditx. Trid sempliċiment tagħlaq għajnejk biex ma tarax ir‑realtà li qiegħda quddiemek. Mhumiex il‑kwantità ta’ ċelloli li jiddeterminaw jekk hiex ħajja umana jew le.

Ix‑xjenza tgħidilna li l‑ħajja umana bdiet. Il‑fidi tagħna, imbagħad, tgħinna biex fil‑ħajja umana li bdiet, nagħrfu x‑xbieha ta’ Alla, għax Alla hekk ħalaqna: xbieha tiegħu.

Prinċipju li nħaddnu

Il‑protezzjoni tal‑ħajja hu impenn li rridu nieħdu, prinċipju li nħaddnu mhux konvenjenza ta’ żmien.

Meta jkun prinċipju, lil min jistaqsina għandniex nibdew naċċettaw li l‑ħajja tkun eliminata meta għadha kemm tnisslet, it‑tweġiba tagħna ma tkunx “le, għax in‑nies għadhom mhux lesti għal dan il‑pass” jew “għax mhux il‑mument”. Dik tkun biss politika ta’ konvenjenza. Dik hi l‑‘le’ ta’ min ifittex dak li jaqbillu, mhux verament ta’ min ifittex li jħares il‑ħajja ta’ min għadu ma twelidx.

Għalhekk, il‑protezzjoni tal‑ħajja umana, anke meta għadha kif tnisslet, hi kwistjoni ta’ konvinzjoni, mhux ta’ konvenjenza.

Protezzjoni f’kull waqt tal‑ħajja

Mad‑difiża tal‑ħajja tat‑tarbija li għadha ma twelditx, aħna rridu naħdmu għall-kultura favur il‑ħajja f’kull waqt tal‑ħajja tal‑bniedem.

Aħna rridu b’kull mod inkomplu nagħtu s‑sapport u l‑għajnuna meħtieġa lil dawn in‑nisa li l‑piżijiet jintefgħu fuqhom u jitħallew waħedhom.  Kull vittma tkun qed tokrob għall‑għajnuna

Kull meta l‑ħajja umana hi fil‑periklu, lilna għandha ssibna lesti biex niddefenduha. Jista’ jkun xi ħadd li qiegħed f’nofs ta’ baħar, jissielet biex jgħix u qed jistenna min jgħinu biex ma jispiċċax jisparixxi taħt l‑ilma; jista’ jkun min qiegħed f’periklu minħabba l‑kundizzjonijiet ħżiena li fihom jgħix; jista’ jkun min ikun ittentat biex jieħu d‑droga, bir‑riskju li jitqarraq għax tiġi ppreżentata lilu bħala oġġett ta’ divertiment u tgawdija mingħajr konsegwenzi; jista’ jkun min hu anzjan u marid, u qed jibża’ li jitqies bħala persuna li għalqilha ż‑żmien biex tgħix.

Bħala bnedmin ta’ prinċipju, għandu jkollna tolleranza żero għal kull theddida għall‑ħajja, u nħeġġu kull tip ta’ azzjoni favur il‑ħajja. Insemmi, bħala eżempji, il‑ħarsien tal‑ambjent, ħolqien ta’ Alla; l‑għoti tad‑demm; is‑sewqan responsabbli; l‑attenzjoni waqt il‑kostruzzjoni biex ma jkunx hemm vittmi tat‑traksuraġni; u l‑għajnuna lill‑vittmi ta’ vjolenza domestika biex jistgħu joħorġu mis‑sitwazzjoni ta’ abbuż u ta’ theddida għal ħajjithom.

Dawn huma eżempji konkreti. Huwa sewwasew meta aħna nipproteġu l‑ħajja umana mit‑tnissil, mill‑bidu nett tagħha, li nkunu qegħidna l‑pedament biex nistgħu naħdmu bis‑sħiħ favur il‑ħajja umana f’kull waqt tagħha, u l‑ħajja b’dinjità.

Attenzjoni lejn dawk li huma vittmi

Filwaqt li naħdmu bis‑sħiħ biex inħarsu l‑ħajja ta’ min hu dgħajjef u vulnerabbli, illum irridu wkoll insaħħu l‑impenn tagħna biex ngħinu lil min jgħaddi mit‑tbatija. Insemmi partikolarment lin‑nisa li jkollhom diffikultà matul it‑tqala.

Irrid nuri l‑apprezzament kbir għal dawk li fi ħdan il‑Knisja u fis‑soċjetà Maltija qed jaħdmu bis‑sħiħ favur dawn in‑nisa. Aħna rridu b’kull mod inkomplu nagħtu s‑sapport u l‑għajnuna meħtieġa lil dawn in‑nisa li l‑piżijiet jintefgħu fuqhom u jitħallew waħedhom.  Kull vittma tkun qed tokrob għall‑għajnuna. Irridu naħdmu flimkien ħalli dawn in‑nisa ma jsibux ruħhom waħedhom, imma jsibu tassew l‑appoġġ u s‑solidarjetà li jeħtieġu fiż‑żmien diffiċli li jkunu fih.

Talba

Alla qalilna biex dejjem inħarsu l‑ħajja għax hi don tiegħu. Għalhekk, aħna ngħożżu l‑ħajja bl‑imħabba. Ejjew nuru din l‑għożża bil‑ħidma tagħna u bid‑diskors tagħna mimli sensittività u rispett lejn id‑dinjità ta’ kull bniedem. Nitolbu għal dawk kollha li huma xhieda ta’ impenn favur il‑ħajja biex b’kuraġġ ikomplu jwasslu dan il‑messaġġ li hu tant importanti għal żminijietna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju