L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-Kelma ta’ Alla llum tkellimna dwar is-sejħa li jagħmel il-Mulej nistgħu ngħidu lil kull wieħed u waħda minna. U jekk hemm xi ħaġa li tgħaqqad il-qari li għadna kemm smajna, hi l-fatt li l-persuna li tissejjaħ minn Alla għal xi missjoni, quddiem is-sejħa ta’ Alla, ilkoll nirrrealizzaw kemm aħna dgħajfin.

Kultant nirrealizzaw ukoll li forsi m’aħniex kapaċi għal dak li l-Mulej qed isejħilna. Min jaf kemm-il darba min jidħol għaż-żwieġ isib ruħu f’sitwazzjonijiet, fil-ħajja tal-koppja jew minħabba l-ulied, li qatt ma jkun ħolom li se jgħaddi minnhom. U min jaf kemm-il darba f’kull vokazzjoni tiġrilna din, tgħid kieku kont naf għal xiex dieħel jew għal xiex dieħla, ma nafx x’kont nagħmel. U donnu quddiem id-diffikultajiet naraw muntanja kbira. Inħossu li m’aħniex kapaċi weħidna.

Hekk ħassu, perezempju, il-profeta Iżaija quddiem il-qdusija u l-glorja tal-Mulej. “Bniedem b’xufftejh imniġġza, jien! F’nofs poplu b’xufftejh imniġġza ngħammar” (Iż 6:5). Imma l-Mulej jagħti messaġġ ta’ tama, ta’ maħfra, ta’ purifikazzjoni u jagħmel kuraġġ. “Ara,” jgħidlu wieħed mis-Serafini lil Iżaija b’ġamra nar f’idu, imisslu l-fomm tiegħu u jgħidlu, “din messitlek xufftejk, ħżunitek għabet, dnubek inħafer” (Iż 6:7). U malli Iżaija jirrealizza li ma jistax jibqa’ jistrieħ fuq it-tjubija jew il-bravura tiegħu, imma fuq il-ħniena ta’ Alla li jfejqu, jaħfirlu, inaddfu ikun lest biex jintbagħat, isir appostlu, il-mibgħut.

“Lil min se nibgħat? Min se jmurilna?” jgħid il-Mulej. U Iżaija, imsoffi mill-ħniena u l-imħabba ta’ Alla, għandu l-kuraġġ jirrispondi: “Hawn jien; ibgħat lili!” (Iż 6:8).

Hekk jiġrilu Pietru fl-Evanġelju li għadna kemm smajna. Qed jiltaqa’ ma’ Ġesu li jissellef id-dgħajsa tiegħu. Qed jiltaqa’ ma’ Ġesu li wara lejl ta’ sajd u xogħol battal, jgħidlu: “Kala x-xbiek” (ara Lq 5: 4). Donnu qed jgħidlu: inti obdini, veru li inti s-sajjied tas-sena. Ġesu kien mastrudaxxa, ma kienx sajjied. U ’l Ġesù jgħidlu: “La qiegħed tgħidli int, ħa nkala x-xbiek” (Lq 5:5). U jaqbdu qabda kbira tant li żewġ dgħajjes biex ikaxkru l-ħut li qabdu kienu għoddhom se jgħerqu bil-kwantità ta’ ħut li kien hemm.

Hu jsejħilna, jagħtina l-għajnuna u l-grazzja tiegħu f’kull vokazzjoni. Mhux qed ngħid biss għas-saċerdoti, jew l-isqfijiet, il-patrijiet u s-sorijiet; min hu msejjaħ għaż-żwieġ m’għandux missjoni kbira? M’għandux bżonn ukoll l-għajnuna u l-maħfra ta’ Alla?

Pietru, jew Xmun Pietru, jirrealizza quddiem min qiegħed. “Tbiegħed minni, Mulej, għax jiena raġel midneb” (Lq 5:8). Qed jgħid il-verità. Qed jitkellem f’isimna, f’isem kull wieħed u waħda minna. U x’inhi r-risposta ta’ Ġesù? “Tibżax, tibżax. Min issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies” (Lq 5:10). Xi tfisser? Inti l-missjoni tiegħek u l-għerf tiegħek li ġibt bix-xogħol iebes tiegħek, mhux se jinħela imma bil-kuraġġ li jagħtik il-Mulej, bil-grazzja tiegħu li hi l-imħabba tiegħu, il-maħfra, il-ħniena tiegħu, inti se tiġbed ħafna nies lejn il-qalb ta’ Alla.

Pawlu l-Appostlu Missierna jistqarr li għalkemm hu msejjaħ biex ikun appostlu, hu wieħed mill-iċken għax ma kienx jistħoqqlu jkun appostlu, la kien persekutur. “Imma bil-grazzja ta’ Alla,” jgħid meta jikteb lill-Korintin, “jien dak li jien”. U l-grazzja tiegħu – grazzja li tfisser imħabba, ħniena, mogħdrija u kompassjoni – “il-grazzja ta’ Alla fija ma sfatx fix-xejn. U tħabbat ħafna iktar minnhom ilkoll; għad li mhux jien iżda l-grazzja ta’ Alla li hi miegħi” (1 Kor 15:10).

Meta naraw, biex ngħidu hekk, dil-ħajta tad-deheb li tgħaddi mill-qari tal-lum, nifhmu dak li titlob il-Knisja fil-festi tal-martri bħalma kienet Sant’Agata. Fid-dgħufija tagħhom, Alla wera l-qawwa tiegħu. Quddiem id-dinja nqatlu, ġew ittorturati, sfaw bla ġieħ imma quddiem Alla l-fedeltà tagħhom tibqa’ tixxandar għal dejjem.

Fit-talba li biha bdejna din il-quddiesa, lill-Mulej tlabnieh biex ikun hu l-għajnuna u l-qawwa tagħna u għaliex? X’għednielu fil-bidu tal-quddiesa llum? “Għax aħna m’għandniex tama oħra ħlief il-grazzja tiegħek”. Kemm hi qawwija din it-talba tal-Knisja. Aħna m’għandniex tama oħra ħlief il-grazzja, l-imħabba, il-ħniena, il-maħfra ta’ Alla. Jekk jitlaqna għal riedna, għal dak li jiġina f’moħħna, mhux taħwid nagħmlu aħna? Imma llum hu jsejħilna u jafdana bħalma għamel ma’ Iżaija, ma’ Pawlu l-Appostlu Missierna, bħalma għamel ma’ Pietru, ma’ Xmun Pietru, u sħabu. Hu jafdana, iħenn għalina. Hu jsejħilna, jagħtina l-għajnuna u l-grazzja tiegħu f’kull vokazzjoni. Mhux qed ngħid biss għas-saċerdoti, jew l-isqfijiet, il-patrijiet u s-sorijiet; min hu msejjaħ għaż-żwieġ m’għandux missjoni kbira? M’għandux bżonn ukoll l-għajnuna u l-maħfra ta’ Alla?

U għal dawk li qed jibżgħu jieħdu l-istat tagħhom f’ħajjithom, mhux biss għal dawk iż-żgħażagħ li l-Mulej qed isejjaħ għas-saċerdozju, inkellem anke liż-żgħażagħ li huma msejħin għaż-żwieġ. Il-Mulej qed jagħtikom missjoni fl-imħabba ta’ bejnietkom. Tibżgħux iddendlu l-kus ma’ xulxin. “Lil min se nibgħat? Min se jmurilna?” “Hawn jien, ibgħat lili” (Iż 6:8).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 6:1-2a,3-8
Salm: 137(138):1-2a,2bċ-3,4-5,7ċ-8
Qari II: 1 Kor 15:1-11
L-Evanġelju: Lq 5:1-11

Aktar ritratti >>