Biex iġġib fi tmiem perjodu ta’ inċertezza, ma ddumx ma tkun ippubblikata Kostituzzjoni Appostolika li tippermetti gruppi ta’ Anglikani, kemm lajċi u reliġjużi, sabiex jidħlu f’komunjoni sħiħa mal-Knisja Kattolika.
Dalgħodu l-ġurnalisti ngħataw dettalji dwar din l-inizjattiva f’konferenza tal-aħbarijiet mogħtija fil-Vatikan mill-Prefett tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, il-Kardinal William Levada.
Fl-istess waqt ngħatat konferenza tal-aħbarijiet oħra f’Londra mill-Primat tal-Knisja Kattolika fl-Ingilterra u Wales, l-Arċisqof Vincent Gerard Nichols, flimkien mal-Primat tal-Knisja Anglikana, l-Arċisqof ta’ Canterbury Rowan Williams.
Kif irrappurtat mill-Kardinal William Levada fil-konferenza stampa, madwar għoxrin jew tletin Isqof Anglikan u eluf ta’ fidili jista’ jkun li huma interesati jingħaqdu fi ħdan il-Knisja Kattolika.
Il-Papa Benedittu XVI approva f’din il-Kostituzzjoni Appostolika, struttura kanonika li tippermetti lil ex-Anglikani sabiex jidħlu f’għaqda sħiħa mal-Knisja Kattolika waqt li “jippreservaw elementi ta’ patrimonju spiritwali Anglikan li jkun distint”, kif stabbilit ukoll fi stqarrija maħruġa mill-Kongregazzjoni għad-duttrina tal-fidi.
Għandu jingħata guidance pastorali għal dawn il-gruppi. Il-Kostituzzjoni Appostolika tipprovdi għal struttura li tippermetti saċerdoti Anglikani miżżewġin biex ikunu ordnati fi ħdan il-Knisja Kattolika. Għaldaqstant, raġunijiet marbutin ma’ storja u oħrajn ta’ natura ekumenika jżommu l-ordinazzjoni ta’ rġiel miżżewġin bħala Isqfijiet fiż-żewġ Knejjes.
Il-Kardinal Levada spjega li l-implimentazzjoni ta’ din il-Kostituzzjoni se sseħħ f’żewġ fażijiet. Dan bħala frott ta’ konsultazzjonijiet li saru mal-Kardinal Walter Casper u mal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda Nisranija.