L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dawn huma ħames versi kommoventi, huma l-aħħar ħames versi tal-ewwel kapitlu ta’ San Mark. Dan l-Evanġelju, li fih 16-il kapitlu, huwa Evanġelju rikk għalkemm huwa l-iqsar Evanġelju, imma wkoll Evanġelju dirett ħafna. Għaliex San Mark għażel li jpoġġi dan ir-rakkont propju fl-ewwel kapitlu, propju fit-tmiem tal-ewwel kaptlu? Xi jrid jgħidilna b’din l-għażla li jpoġġi l-fejqan tal-lebbruż propju fil-bidu tal-Evanġelju tiegħu?

Nistgħu ngħidu li l-atteġġjament ta’ Ġesù huwa dak li juri ma’ kull wieħed u waħda minna. Ħa nifhmu ftit min kien il-lebbruż fi żmien Ġesù. Kien bniedem li minħabba li kellu marda li tittieħed kien ikkundannat li jitlaq mill-villaġġ tiegħu, mill-familja tiegħu, u jgħix għalih waħdu. Kienu obbligati jużaw qanpiena biex javżaw meta jkunu qegħdin jivvjaġġaw ħalli kulħadd jersaq ’il bogħod minnhom.

Dan il-lebbruż jemmen fil-qawwa li fih Ġesù , il-qawwa tal-Imgħallem li jfejjaq, “jinxteħet għarkubbtejh quddiemu u jgħidlu: ‘Jekk trid tista’ tfejjaqni’” (MK 1:40). Il-fejqan ta’ dan il-lebbruż jiddependi mir-rieda ta’ Ġesù . U x’inhi r-rieda ta’ Ġesù? San Mark juża verb qawwi ħafna. Bil-Malti għandna bżonn diversi kliem biex nispjegaw x’ħass Ġesù għal dan ir-raġel. “Imqanqal mill-ħniena” (Mk 1:41) Meta Ġesù jħares lejna fit-turufnament tagħna, fid-diffikultajiet tagħna, forsi minħabba xi ħaġa li qed tbegħedna minn ħaddieħor jew li ħaddieħor jevitana minħabba dak li aħna jew dak li għamilna, il-Mulej “jitqanqal bil-ħniena”.

Ġesù jagħmel xi ħaġa li mhux suppost kellu jagħmilha: “medd idu fuqu, messu u qallu: ‘Irrid, kun imnaddaf!’’” (Mk 1:41). Il-lebbra tisparixxi min fuq il-ġisem ta’ dan ir-raġel u Ġesù jagħtih il-parir jobdi l-liġi ta’ Mosè jmur quddiem il-qassis li jiċċertifika li dan ir-raġel ġismu huwa nadif, jista’ jerġa’ jirritorna fil-komunità, jerġa’ jgħannaq lil martu u lil uliedu, lil ommu u lil missieru, anke l-kunjata u l-kunjatu. Jista’ jerġa’ jirritorna għas-sengħa tiegħu, għall-villaġġ, u għall-ħbieb tiegħu. Dan kollu għax Ġesù, imqanqal mill-ħniena, ħenn għalih, fejqu u ma stmerrx li jmidd idu fuqu u jmissu.

X’jiġri lil Ġesù? Ġesù qallu biex ma jgħix lil ħadd (ara Mk 1:44). Imma dan, bil-ferħ, mar “ixandar dak li ġralu kullimkien. Beda jxerred l-aħbar,” jgħid San Mark u hekk Ġesù jieħu fuqu l-kundiżżjoni ta’ lebbruż. L-Evanġelju jgħidilna “hekk li Ġesù f’ebda belt ma seta’ iżjed jidħol bid-dieher, imma kien jibqa barra fil-kampanja” (Mk 1:45).

Meta fejjaq lil dan ir-raġel, Ġesù rriskja; ipprova jeħles partita inkwiet imma ma rnexxilux u minħabba li dan ir-raġel tkellem fuq li ġralu, Ġesù mbagħad jispiċċa hu l-emarġinat, jispiċċa ma jistax jidħol fil-belt u jibqa’ fil-kampanja, almenu għal ftit żmien.

In-nies imma jindunaw min hu Ġesu, ma jħalluhx waħdu. “Kienu jmorru ħdejh nies minn kullimkien” (Mk 1:45). Nistgħu ngħidu li f’dan il-miraklu li San Mark ipoġġi fit-tmiem tal-ewwel kapitlu, mhux biss nilmħu l-qalb ta’ Ġesù, li fuq is-salib hija minfuda bil-lanza, imma nifhmu wkoll x’għamel il-Mulej biex isalvana. Bħalma jgħid il-Profeta Iżaija: “Ħa fuqu l-mard tagħna” (Iż 53:4). F’dawn iċ-ċirkustanzi Ġesù ma jsirx lebbruż. Iżaija kważi jgħid ma stajniex nagħrfuh imdendel fuq is-salib, tant ġie sfigurat bid-daqqiet u l-ħruxija tal-passjoni (ara Iż 52:14). Imma f’dan il-mument Ġesù jieħu l-kundizzjoni, mhux il-marda. Minħabba li fejjaq lill-lebbruż u b’hekk tah iċ-ċans jirritorna fil-villaġġ tiegħu, Ġesù imma kellu jibqa’ ’l barra mill-ibliet.

Dan il-ġest ta’ Ġesù jfakkarni f’xi ħaġa. Ħa ngħidha bi tbissima u bħala parir ċkejken. Kull ġid li tagħmel trid tħallas għalih. Kultant ngħidu li l-ħażin li tagħmel tħallas għalih, imma l-esperjenza tgħallmek li anke meta tagħmel il-ġid trid tħallas għalih. U Ġesù jgħallimna li din hi t-triq tad-dixxipli.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Lhud 3, 7-14
Salm: 94 (95), 6-7.8-9.10-11
Evanġelju: Mk 1, 40-45