Il-kumitat il-ġdid tas-CSA mix-xellug għal-lemin: Stephen Cachia, Johann Tabone, Melanie Ungaro, Roberta Mifsud Bonnici, Daniela Demicoli, Patri Clinton Farrugia MSSP, Elton Vella, Sr Marica Briffa, Patri David Cortis OSA.

Waqt il‑laqgħa ġenerali annwali tal‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja (CSA), li tirrappreżenta 55 skola tal‑Knisja f’Malta u Għawdex, intagħżlu l‑membri l‑ġodda tal‑kumitat għas‑snin 2025-2028.

Stephen Cachia ġie magħżul bħala l-Koordinatur tal‑Assoċjazzjoni. Patri Clinton Farrugia MSSP intgħażel bħala Deputat Koordinatur, Patri David Cortis OSA bħala Teżorier, Roberta Mifsud Bonnici bħala Segretarju u Melanie Ungaro bħala Viċi Segretarju. Bħala membri tal‑kumitat intgħażlu Elton Vella, Sr Marica Briffa, Daniela Demicoli u Johann Tabone.

L‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja twaqqfet fl‑2015 sabiex toħloq network ta’ kollaborazzjoni, għarfien u tisħiħ bejn l‑iskejjel tal‑Knisja fid‑dawl tal‑Evanġelju u tat‑tagħlim tal‑Knisja Kattolika fi djalogu sħiħ mal‑kultura kontemporanja, kif ukoll iżżomm fiċ‑ċentru lill‑istudent skont il‑kariżma ta’ kull ordni reliġjuż, assoċjazzjoni lajkali jew djoċesana.

Fost l‑oħrajn, l‑assoċjazzjoni toffri opportunitajiet ta’ formazzjoni professjonali u spiritwali lill‑kapijiet tal‑iskejjel tal‑Knisja waqt li ssaħħaħ u tiffaċilita d‑djalogu mas‑Segretarjat tal‑Edukazzjoni Nisranija, u tiżgura li l‑membri tagħha jkunu rappreżentati f’laqgħat ma’ gruppi governattivi u tal‑Knisja, kif ukoll ma’ entitajiet oħra.

L‑iskejjel tal‑Knisja joffru edukazzjoni lil madwar 32% fil‑mija tal‑istudenti kollha fil‑Gżejjer Maltin li qegħdin fil‑fażi obbligatorja tal‑formazzjoni edukattiva tagħhom.