Fid-dawl ta’ svelar riċenti ta’ dokumenti kunfidenzjali tal-Vatikan fuq il-mezzi tal-media, partikolarment fuq it-televiżjoni u fil-gazzetti, anki fuq l-internet, il-Papa Benedittu XVI ordna li titwaqqaf Kummissjoni ta’ Kardinali li tinvestiga b’awtorita u tixħet dawl fuq x’seta’ wassal għal dawn l-episodji.
Dan irriżulta fi stqarrija għall-istampa maħruġa mis-Segretarjat tal-iStat tal-Vatikan dalgħodu. Intqal fl-istqarrija li “il-Papa iddetermina li l-Kummissjoni tal-Kardinali, li taġixxi bl-awtorita kollha li jagħtiha l-istess mandat pontifiċju, tkun ippreseduta mill-Kardinal Julian Herranz, u jkollha bħala membri lill-Kardinal Josef Tomko u lill-Kardinal Salvatore De Giorgi”.
Is-Segretarjat tal-iStat tal-Vatikan temm jgħid li “l-ewwel laqgħa ta’ din il-Kummissjoni saret ilbieraħ, it-Tlieta 24 t’April 2012, bil-għan li tistabbilixxi il-metodu u l-iskeda tal-mod kif se topera”.