Pan African Congress logo

“Li tkun xiehda ta’ Ġesu Kristu fl-Afrika, illum. Melħ tal-art…dawl tad-dinja” hija t-tema tal-Kungress Pan Afrikan għal-lajċi kattoliċi, organizzat mill-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi u li se jsir bejn l-4 u d-9 ta’ Settembru li ġej f’Yaounde, il-Kamerun.Din l-inizjattiva hi parti mit-tradizzjoni tal-Kunsill li jorganizza Kungressi kontinentali u/jew reġjonali għal popli lajċi kattoliċi f’diversi partijiet tad-dinja.

L-attivita se tkun qed issir fl-Universita Kattolika tal-Afrika Ċentrali u d-deċiżjoni li jinżamm Kungress fl-Afrika hi relatata mal-vjaġġ appostoliku tal-Papa lejn il-Kamerun u Angola lura fl-2009, u riċentament maż-żjara tiegħu f’Benin f’Novembru li għadda biex seta’ jiffirma l-Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali ‘Africae Munus’.

Skont komunikat għall-istampa, “il-Kungress juri l-impenn tal-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi li jimxi pass pass mal-Knejjes partikolari. Jgħin ukoll lil-lajċi sabiex jgħixu l-fidi tagħhom f’għaqda mal-mexxejja tagħhom, biex jiskopru mill-ġdid ir-responsabbilta li għandhom fil-missjoni tal-Knisja fid-diversi oqsma ta’ apostolat.