L‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja, is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija, il‑Kunsill tas‑Superjuri Maġġuri Reliġjużi, kif ukoll rappreżentanti tal‑assoċjazzjonijiet tal‑ġenituri li għandhom uliedhom fl‑iskejjel tal‑Knisja, esprimew tħassib serju dwar l‑abbozz tal-Liġi 96 dwar l‑Ugwaljanza li qed jiġi diskuss fil‑Parlament. L‑abbozz, li l‑għan tiegħu kellu jkun li jippromwovi r‑rispett lejn id‑diversità, fil‑fatt qed joħnoq id‑dritt tal‑libertà tat‑twemmin b’konsegwenzi serji fuq l‑espressjoni tal‑etos Nisrani tal‑iskejjel tal‑Knisja. Dan iwassal għall‑konsegwenza li l‑ġenituri jiġu mċaħħda mid‑dritt li jagħżlu skejjel b’etos partikolari għal uliedhom.
Jekk dan l‑abbozz ma jiġix emendat u eventwalment isir liġi, l‑edukaturi Nsara jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni li fiha jkollhom jippromwovu valuri li jmorru kontra l‑kuxjenza tagħhom. Dan hu ksur serju tad‑dritt tal‑libertà tal‑espressjoni u tad‑dinjità tal‑bniedem.
Fid‑dawl ta’ dan it‑tħassib serju, l‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja, is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija, il‑Kunsill tas‑Superjuri Maġġuri Reliġjużi, kif ukoll rappreżentanti tal‑assoċjazzjonijiet tal‑ġenituri li għandhom uliedhom fl‑iskejjel tal‑Knisja, ippreżentaw l‑proposti sabiex jinbidel dan l‑abbozz. Huma qed jipproponu li tiġi introdotta klawsola fundamentali fl‑abbozz tal‑Liġi li tippermetti l‑oġġezzjoni skont il‑kuxjenza kif ukoll emendi oħra sabiex ikun protett id‑dritt tal‑għażla tal‑ġenituri fl‑edukazzjoni ta’ wliedhom. Filwaqt li l-iskejjel tal‑Knisja jibqgħu kommessi li jġibu ’l quddiem id‑dinjità ugwali ta’ kull persuna irrispettivament mid‑diversità tagħha, jitolbu lill‑membri parlamentari kollha sabiex iħaddnu u jipproteġu tabilħaqq il‑valuri ta’ diversità, id‑dinjità tal‑bniedem u d‑dritt tal‑libertà tat‑twemmin b’mod effettiv sakemm dan it‑twemmin ma jmurx kontra d‑drittijiet tal‑bniedem.