L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-ewwel ma għamel Indri, ħu Xmun Pietru, kif sema’ min kien tassew Ġesù ta’ Nazaret, il-mastrudaxxa, bin Ġużeppi, kien li jmur isib lil ħuh Xmun, sajjied bħalu. Ma jgħidlux: Sibna lil Ġesù ta’ Nazaret, jew mastrudaxxa bravu, jew iben ta’ mastrudaxxa. Jgħidlu: “‘Sibna l-Messija’ – li tfisser Kristu, il-Midluk. U ħadu għand Ġesù” (Ġw 1:41-42). Id-djalogu ta’ Ġesù ma’ dan Xmun, fl-ewwel kapitlu ta’ San Ġwann, li għadna kemm smajna silta minnu, huwa essenzjali. “Ġesù ħares lejh u qallu: ‘Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa’ – jew Pietru, li tfisser blata” (Ġw 1:42). L-istess għamel Ġesù hu u jħares lejn Joseph Ratzinger: Ħares lejh: ‘Inti Joseph, ommok u missierek nafuhom, il-Bavaria, minn fejn ġej, nafuha wkoll. Inti tissejjaħ Pietru’. Hija vokazzjoni speċjali din. Huwa toqol li mhux ħafif. 

Niftakar li l-għada li ġie elett Papa, dak li għalina kien il-Prefett, il-Kardinal Ratzinger, ġie jsellmilna fil-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi. Iddeċieda li jkun dan l-ewwel att tiegħu bħala Papa. Jerġa’ jirritorna fejn kien għex u ħadem taħt San Ġwanni Pawlu II għal diversi snin. Kien isejħilna: il-familja tiegħu. Allura ried isellmilna ta’ Papa, imma wkoll ta’ missier. Kienet tinħass fil-ħarsa ta’ għajnejh din il-vokazzjoni ġdida, imma wkoll ir-responsabbiltà tremenda, li hu jissejjaħ u jkun l-istrument viżibbli tal-għaqda ta’ bejnietna.

Għażilna dan il-qari pjuttost twil, l-ewwel qari, mill-ewwel kapitlu tat-Tieni Ittra lill-Korintin, għal raġuni partikolari ħafna, għaliex Joseph Ratzinger, meta sar saċerdot, kien għażel silta minn din l-ittra, imqanqla, kommossa, tal-Appostlu Missierna bħala motto tas-saċerdozju tiegħu: ‘Aħna naħdmu flimkien għall-ferħ tagħkom’ (2 Kor 1:24). “Mhux għax irridu nġegħlukom temmnu iżda li naħdmu flimkien għall-ferħ tagħkom, billi intom qegħdin iżżommu sħaħ fil-fidi” (2 Kor 1:24). Din hi l-persważjoni tal-Appostlu Missierna, kif ukoll tal-Kardinal Ratzinger, Benedittu XVI, li l-fidi mhix xi ħaġa ta’ bilfors, li tbella’ lil xi ħadd bit-theddid u bil-biża’ u tregħid. Ma tista’ ġġiegħel lil ħadd jemmen jekk il-fidi, l-att ta’ twemmin, huwa att liberu ta’ mħabba. Risposta ta’ mħabba għal imħabba, li wieħed jagħraf  u jirċievi, imma li naħdmu flimkien, iva, li nkunu kooperaturi, naħdmu flimkien, mhux biss tal-verità. Dak kien il-motto li għażel imbagħad bħala isqof: ‘Cooperatores veritatis’; ħaddiema flimkien, kooperaturi tal-verità. Imma li nkunu wkoll kooperaturi tal-ferħ tal-komunità. “Li naħdmu flimkien għall-ferħ tagħkom” (2 Kor 1:24).

L-insistenza tiegħu, li mbagħad jipproklamaha b’mod deċiżiv fl-ewwel enċiklika tiegħu bħala Papa: ‘Deus Caritas Est’ – ‘Alla huwa mħabba’ hi li l-fidi tagħna mhijiex serje ta’ dommi, ta’ liġijiet, imma hija laqgħa ma’ persuna, il-laqgħa ma’ Ġesù.

Meta sar Papa, u fil-Quddiesa tal-bidu tal-ministeru tiegħu bħala Papa, ġie mħabbar, kif hija tradizzjoni kostanti, l-Evanġelju mill-aħħar kapitlu ta’ San Ġwann, meta Ġesù għal tliet darbiet jistaqsi lil Pietru, lil Kefa: “Tħobbni int?” (Ġw 21:16). Għar-risposta umiljata u umli ta’ Xmun Pietru, iben Ġwanni, il-Mulej jgħidlu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi” (Ġw 21:16). Huwa kommoventi li nifhmu u li nkun mgħarrfa li l-aħħar kliem tal-Papa Benedittu, fit-3am tal-31 ta’ Diċembru, kienu proprju stqarrija ta’ mħabba għal Ġesù: ‘Gesù, ti amo’ – ‘jiena nħobbok’. Ir-risposta li għex matul ħajtu għal dik id-domanda li Ġesù jagħmel lil Xmun Pietru: ‘Inti tħobbni?’. Hija domanda li jagħmel lil kull wieħed u kull waħda minna: ‘Inti tħobbni?’ X’se tkun ir-risposta tiegħi u tiegħek?

Fl-ewwel qari smajna lil Pawlu jitkellem dwar il-fedeltà tiegħu lejn il-Kelma ta’ Ġesù. Huwa jgħid: “Il-kelma tagħna lilkom ma kinitx ‘iva’ jew ‘le’” (2 Kor 1:18), kompromess bejn żewġ affarijiet li ma jistgħux jitpoġġew flimkien; donnok trid tibla’ l-mewt u l-ħajja f’daqqa, imma “l-‘iva’ weħidha” (2 Kor 1:19). Quddiem il-mewt u l-ħajja, Pawlu għażel il-ħajja; ma għamilx kompromess mal-mewt. “Għax fih (f’Ġesù), il-wegħdiet ta’ Alla kollha saru ‘iva’” (2 Kor 1: 20) – fedeltà. 

Ejjew nitolbu l-interċessjoni tal-Qaddisin, ta’ Sidtna Marija, ta’ San Ġużepp, ta’ San Benedittu, għall-Papa Emeritu. Bħalma tgħid it-talba tal-Knisja: ‘Il-Qaddisin, il-martri, jakkumpanjawh, iressquh quddiem it-tron tal-ħniena, tal-verità, tal-ġustizzja, imma wkoll tal-fedeltà ta’ Alla’. Aħna, il-Mulej jagħtina l-grazzja li niftakru fil-kliem meqjus li qalilna meta kien fostna l-Papa Benedittu fl-2010, meta lil Malta rringrazzjaha u faħħarha tad-difiża tal-familja u tal-ħajja, mill-ewwel mument tat-tnissil sal-mewt. L-apprezzament tal-Papa Benedittu, quddiem l-ogħla awtoritajiet ta’ pajjiżna, ma kienx kliem fieragħ, imma rikonoxximent ta’ valuri sodi li aħna għadna napprezzaw. Jalla nibqgħu napprezzawhom, għax jekk le, irridu nġorru r-responsabbiltà tal-konsegwenzi tal-għażliet tagħna.

Ejjew nitolbu wkoll li hu, fil-misteru tax-xirka tal-Qaddisin, jidħol għalina quddiem Alla. Għaliex kif qrajna wkoll fl-ewwel qari, l-Appostlu, imma anke n-Nisrani, jibqa’ mwieżen mit-talb tal-komunità: “Minħabba d-don li rċevejna aħna,” ħafna tfarrġu jgħid l-Appostlu Missierna, “iroddu l-ħajr għall-grazzji li qlajna bis-saħħa tat-talb ta’ ħafna” (2 Kor 1:11). Din hija l-fidi tagħna l-aħwa. Aħna għalhekk qegħdin hawnhekk, għax nemmnu f’din il-kelma tal-Appostlu Missierna li t-talb tagħna huwa ta’ faraġ, mhux biss għal min qiegħed fostna jissielet, bħalna u magħna, flimkien, mhux bejnietna, flimkien; imma anke ta’ ħutna li telqu qabilna.

Il-Mulej jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem. Ammen. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Aktar ritratti