• Fr Olivier Poquillon OP
    Commission of the Bishops’ Conferences of the European Union (COMECE)
    Square de Meeûs, 19/1
    B-1050 Brussels
    Belgium

    3 ta’ Jannar 2019

    Għażiż Fr Poquillon,

    Aħna, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, qed niktbu din l-ittra biex nuru t-tħassib serju tagħna u nitolbu għas-sapport ta’ ħutna l-isqfijiet fl-Ewropa, dwar is-sitwazzjoni ta’ 49 migranti li ilhom jiem sħaħ bejn sema u ilma fil-Baħar Mediterran.

    Ironikament, hekk kif aħna l-Kattoliċi konna qed niċċelebraw it-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu li huwa wkoll ma ngħatax kenn fit-twelid, grupp ta’ 32 migrant ġie mċaħħad milli jingħata kenn fl-Ewropa wara li ġie salvat ’il barra mil-Libja. Dawn il-persuni ilhom fuq il-baħar fuq bastiment ta’ salvataġġ għal mhux inqas minn 13-il jum, u tħallew jidħlu biss fl-ibħra territorjali Maltin ilbieraħ, l-Erbgħa 2 ta’ Jannar, biex jistkennu minn maltempata. 17-il migrant ieħor salvati minn bastiment ieħor ta’ għaqda mhux governattiva oħra ilu fuq il-baħar għal ħamest ijiem.

    Wieħed jista’ biss jimmaġina t-tbatija żejda li qed iġarrbu dawn l-irġiel, nisa u tfal, li l-unika ‘tort’ tagħhom huwa li qed jaħarbu minn ambjent kiefer bit-tama għal ħajja aħjar li tirrispetta d-dinjità tal-bniedem u li aħna l-Kattoliċi u l-Ewropej tant nippromwovu bħala wieħed mill-valuri fundamentali tagħna.

    Din is-sitwazzjoni, li issa għandha bżonn urġenti ta’ azzjoni, wasslet lilna l-Isqfijiet Maltin biex ripetutament nappellaw lill-mexxejja ta’ pajjiżna biex juru solidarjetà b’mod tanġibbli. Minkejja l-limitazzjonijiet tagħha minħabba ċ-ċokon u d-densità għolja tal-popolazzjoni, Malta qed tilgħab rwol importanti fis-salvataġġ u meta hu possibli, fir-rilokazzjoni tal-migranti. Matul l-aħħar jiem, il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw fuq il-baħar u niżżlu f’Malta 249 migrant li kienu fil-periklu. Il-Knisja f’Malta qed tikkopera b’mod attiv mal-Gvern Malti biex toffri akkomodazzjoni u ospitalità lil dawn il-migranti.

    Aħna nifhmu li sitwazzjonijiet kumplessi bħal dawn jeħtieġu soluzzjoni Ewropea, u huwa għalhekk li qed inħeġġuk tistieden lill-Konferenzi Episkopali madwar l-Ewropa biex jieħdu azzjoni simili u jappellaw lill-mexxejja tal-pajjiżi rispettivi tagħhom. Fl-istess ħin, nistiednu lill-Kattoliċi madwar l-Ewropa biex jitolbu bil-qawwa sabiex dan il-kontinent missjunarju jgħożż il-valuri Nsara li ffurmaw l-identità tiegħu billi juri solidarjetà u jsalva lil ħutna fil-bżonn.

    Fi Kristu,

                                                                     

    ✠ Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta                                           
         President tal-Konferenza Episkopali Maltija


    ✠ Mario Grech
        Isqof ta’ Għawdex


    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju ta’ Malta