L‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed tassisti lis‑Sorijiet Dumnikani fir‑rilokazzjoni tar‑residenti u l‑impjegati tad‑dar residenzjali għall‑anzjani Apap Institute f’Santa Venera wara li l‑Ordni Dumnikan ħa d‑deċiżjoni li jagħlaq id‑dar sal‑aħħar tas‑sena.
Is‑Sorijiet Dumnikani ħadu din id‑deċiżjoni diffiċli li ma jibqgħux imexxu d‑dar —li tospita 30 resident anzjan— minħabba n‑nuqqas ta’ vokazzjonijiet reliġjużi u l‑investiment sostanzjali meħtieġ sabiex jiġi rranġat il‑bini li għandu 80 sena.
L‑Arċidjoċesi se tkun qed tgħin fir‑rilokazzjoni tar‑residenti, li jibbenefikaw minn rata sussidjata ħafna, fi djar immexxija mill‑Knisja u mill‑Istat kif ukoll qed tgħin fit‑tiftix ta’ impjieg alternattiv għad‑disa’ membri tal‑istaff full‑time u erba’ part‑time.
L‑Arċidjoċesi se tilqa’ kemm jista’ jkun residenti u impjegati fl‑istrutturi tagħha stess u diġà qiegħda f’kuntatt mal‑gvern dwar alternattivi għal dawk li ma jistgħux jiġu milqugħa.
Apap Institute, li jagħmel parti mill‑Kunvent tas‑Sorijiet Dumnikani f’Santa Venera, infetaħ bħala dar għall‑anzjani wara t‑Tieni Gwerra Dinjija, bħala parti mill‑missjoni tas‑Sorijiet Dumnikani li jieħdu ħsieb it‑tfal, l‑anzjani u l‑morda.
Id‑Direttur tad‑Djar tal‑Anzjani tal‑Knisja, André Vassallo Grant, qal: “Għalkemm Apap Institute huwa proprjetà tal‑Arċidjoċesi, l‑amministrazzjoni tad‑dar u l‑kura ta’ kuljum tar‑residenti dejjem kienu pprovduti mis‑Sorijiet Dumnikani.
“Ir‑realtà kiefra hi li s‑Sorijiet ma jistgħux jibqgħu joffru dan is‑servizz, u bħala Knisja wegħedna l‑appoġġ sħiħ tagħna lill‑Madre Provinċjali biex insibu soluzzjonijiet għall‑persuni affettwati.”