Abortion

L-Arċidjoċesi ta’ Sydney fl-Awstralja qed tappoġġja lill-Isqfijiet Ingliżi fi kritika iebsa għal riklam televiżiv minn kumpanija li tipprovdi l-abort, riklam li kien trasmess dil-ġimgħa fir-Renju Unit. L-avviz kummerċjali, produzzjoni ta’ Marie Stopes International, li hi waħda mill-ikbar kumpaniji li tipprovdi l-abort fir-Renju Unit, qed tistaqsi l-mistoqsija…”Tinsab tard? – Jekk il-period għadu ma ġiekx, jista’ jkun li tqila. Jekk tqila u ma tafx x’se tagħmel, Marie Stopes International tista’ tgħinek”.

Il-Konferenza Episkopali fl-Ingilterra u Wales ħarġet stqarrija bi kritika iebsa għat-trasmissjoni ta’ “avviżi li jirriklamaw servizzi li joffru jew jirreferu għall-abort”.

Intant, fi żvilupp, kien imiss l-Arċidjoċesi ta’ Sydney fl-Awstralja li tippubblika artiklu b’appoġġ għall-pożizzjoni tal-Isqfijiet Ingliżi. Fl-artiklu ntqal li “m’hemm l-ebda interess pubbliku reali involut fir-riklamar tas-servizzi tal-abort”. Id-Direttur taċ-Ċentru Ħajja, Żwieġ u Familja, Chris Meney, asserixxa li “hija korruzzjoni tar-rwol propju tal-aġenziji tax-xandir u l-komunikazzjoni” meta dawn jagħtu spazju lil kumpaniji li jagħmlu l-flus mill-ħsara li ssir lin-nisa u t-tfal bl-abort. Meney żied li “soċjeta tassew ġenwina teħtieġ toffri mara tqila xi ħaġa ferm aħajr mill-qerda tat-tarbija mhux imwielda tagħha. Ħafna nisa li jesperjenzaw tqala mhux ippjanata jispiċċaw jirrikorru għall-abort, bir-raġunijiet tagħhom rarament ikunu marbutin mas-saħħa”.