L-Arċidjoċesi ta’ Malta talbet lis-sieħeb kummerċjali fdat bir-restawr ta’ Villa Schinas f’Tas-Sliema biex jissospendi b’mod immedjat l-applikazzjoni preżenti għall-ippjanar tal-iżvilupp tal-propjetà.
L-iżvilupp propost mis-sieħeb kummerċjali f’parti mill-propjetà, li mhix konnessa mal-villa nnifisha, kien maħsub biex jipprovdi akkomodazzjoni għall-istudenti hekk kif ġie ppjanat li Villa Schinas tintuża bħala stabbiliment edukattiv.
Madankollu, intlaħaq qbil bejn iż-żewġ partijiet biex jirrevedu l-pjanijiet sabiex tkun tista’ tiġi kkunsidrata proposta alternattiva.
Villa Schinas hija imprezzabbli għall-Arċidjoċesi. Iżda l-propjetà ilha f’qagħda mwiegħra ta’ restawr għal numru ta’ snin, u l-ispejjeż involuti biex isir proġett bħal dan huma kbar wisq għall-Parroċċa ta’ San Girgor, li tamministra dan il-bini.
Wara diversi tentattivi, li iżda ma rnexxewx, kemm mal-Kunsill Malti għall-Arti kif ukoll mal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, l-Arċidjoċesi talbet proposti minn entitajiet kummerċjali li kienu se jimpenjaw ruħhom biex jirrestawraw il-propjetà filwaqt li jagħtuha skop li jimxi mal-missjoni tal-Knisja.
Fuq din il-bażi, l-Arċidjoċesi ħarġet espressjoni ta’ interess li toffri l-propjetà lil dawk interessati b’termini ta’ ċens temporanju ta’ 50 sena bil-kundizzjoni li l-Arċidjoċesi żżomm sular wieħed għall-għanijiet tagħha.
L-Arċidjoċesi beħsiebha toqgħod attenta għall-proċess ta’ restawr biex tiżgura li kull intervent li jsir ma jikkompromettix l-integrità ta’ din il-propjetà storika.