L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-kliem ta’ Ġesù, li għadna kemm smajna, hu kliem li jfakkarna fit-tmiem tad-dinja kif nafuha. L-istess Evanġelju ta’ San Mark jgħidilna, fil-bidu tal-Kapitlu 13, li minnu tittieħed din is-silta li naqraw illum fil-knejjes tagħna, li dan il-kliem ntqal lill-grupp żgħir ta’ dixxipli. Ma kienx diskors li għamel biex jisimgħuh ħafna nies jew il-kotra. Kienu Pietru, Ġakbu u Ġwanni u Indrì, erbgħa kienu. Inzerta l-ewwel erba’ li Ġesù sejjaħ fix-xatt tal-Għadira ta’ Tiberija jew tal-baħar tal-Galilija. Kien post speċjali għal Ġesù, fejn qalilhom dan id-diskors: kien fuq l-Għolja taż-Żebbuġ. Minn hemm tara veduta sabiħa ta’ din il-belt antikissima, li għadha magħna sal-lum, u li lejha ħares ukoll Ġesù. Li fiha Ġesù daħal trijonfalment f’Ħadd il-Palm; li fiha Ġesù ta lilu nnifsu fl-Ewkaristija f’Ħamis ix-Xirka, wara li ħasel riġlejn id-dixxipli. Din il-belt li rat l-akkuża tiegħu, it-tortura tiegħu, il-kundanna tiegħu; li rat ukoll il-mewt tiegħu. Imma din il-belt kienet ukoll xhud tal-qawmien tiegħu mill-imwiet. F’dan il-post li għamel dan id-diskors, kellu jirritorna ftit tax-xhur wara, fejn għereq l-għaraq tad-demm.

Ġesù ma’ dawn l-erba’ intimi, jitkellem dwar kif tagħraf iż-żminijiet, jitkellem ukoll dwar it-tmiem taż-żminijiet. Aħna l-bnedmin inkejlu kollox bil-ħin u nikkalkulaw kollox bl-ispazju: siegħa wara siegħa. Dawn huma kategoriji li jorbtuna ma’ din id-dinja għażiża u sabiħa. Imma Ġesù jġegħelna nħarsu lejn din id-dinja għażiża b’għaqal kbir. “Is-sema u l-art jgħaddu” (Mk 13:31). Allura la kollox jgħaddi, kollox hu prezzjuż ħafna. Kull mument hu prezzjuż, kull mument hu importanti biex tgħid lill-persuna li tħobb: ‘inħobbok’; li tgħid lill-persuna li nqastha: ‘aħfirli’; li tgħid lill-persuna li naqsitek: ‘naħfirlek’. Kull mument hu prezzjuż għax is-sema u l-art jgħaddu u aħna wkoll. Lejn it-tmiem tas-sena, tajjeb li niftakruha din.

L-istedina tal-Mulej hi li napprezaw dak li għandna, li niggustawh tassew u li ħajjitna ma naħarquhiex

Is-saċerdot bil-preżenza tiegħu fostna, mingħajr ħafna diskors, ifakkarna li hemm realtà sabiħa, lil hemm minn din id-dinja sabiħa. Il-fatt li d-dinja tgħaddi, ma jfissirx li mhix sabiħa. L-istedina tal-Mulej hi li napprezaw dak li għandna, li niggustawh tassew u li ħajjitna ma naħarquhiex. Għax ħadd ma jaf meta se jgħaddi kollox. Bil-Malti ngħidu: ‘riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa’. Din il-ħaġa naqsmuha bi qsim il-qalb, kull meta nwasslu lil xi ħadd għażiż jew li nafu, kbir u żgħir, lejn il-qabar tal-mistrieħ u nitolbu b’suffraġju ta’ ħutna.

Dan ix-xahar ta’ Novembru hu xahar li jfakkarna mhux biss bid-dover tas-suffraġju għal ħutna li ħallewna, huma min huma, b’mod speċjali l-għeżież tagħna; imma hu wkoll is-sejħa tagħna biex il-ħajja ngħixuha ħsiebna fis-sema, mhux biex ngħixu fl-arja, imma biex nittrattaw lil kulħadd bl-imħabba. Għaliex il-kefen m’għandux but, ma tieħu xejn miegħek, għandek kemm għandek. Ma tieħu xejn miegħek ħlief l-imħabba li tkun urejt.

Aħna rridu naslu quddiemu, mhux b’idejna mimlija bil-bravura tagħna; imma b’dak kollu li nkunu offrejna f’ħajjitna, fl-imħabba u r-rispett lejn xulxin. Jekk l-Arċipriet Dun Joe jgħaddi fit-triq u tarah inti, u tiftakar din il-ħaġa, ikun għamel il-missjoni tiegħu. Int urih ir-rispett għax minkejja d-dgħufija tiegħu l-Mulej għażlu biex ikun qaddej – biex jagħti ħajtu. Kulħadd jieħu pjaċir min jgħidlu ‘grazzi’. Kulħadd iweġġa’ meta jirċievi xi kelma iebsa. Għamel ma’ ħaddieħor dak li tixtieq li ħaddieħor jagħmel miegħek.

Il-Mulej qed jafdalek dan il-patrimonju fil-blat minqux imma jrid ikun ukoll imnaqqax f’qalbek u mnaqqax fil-qalb tal-poplu tiegħek

Għażiż Dun Joe, il-Mulej qed jafdalek din il-parroċċa għażiża u kbira, b’ħafna komunitajiet u komunitajiet reliġjużi, li huma rikezza bi tradizzjoni kbira u antika. Il-Mulej qed jafdalek il-post għażiż fejn l-Appostlu Missierna San Pawl fejjaq il-morda kollha tal-gżejjer tagħna, fejn ħabbrilna l-bxara t-tajba tal-Evanġelju, fejn qaddes l-ewwel quddiesa, u fejn għammed il-poplu tagħna. Dan il-post hu għażiż u qaddis. Il-Mulej qed jafdalek dan il-patrimonju fil-blat minqux imma jrid ikun ukoll imnaqqax f’qalbek u mnaqqax fil-qalb tal-poplu tiegħek. “Is-sema u l-art jgħaddu,” jgħid Ġesù, “imma kliemi ma jgħaddix” (Mk 13:31).

Pawlu ġie ħabsi, nawfragu, dgħajjef imma qasam magħna l-ikbar teżor li kellu. Veru ġo ġarra tal-fuħħar, hu stess jgħidha: “Dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar” (2 Kor 4:7); imma t-teżor tal-imħabba tiegħu lejn Ġesù, li tiegħu sar xhud u tilef rasu ħabba Ġesù; literalment. It-titlu ta’ din il-parroċċa hi l-martirju ta’ San Pawl. Inti tinnamra ma’ xi ħadd u tgħid: tlift rasi wara dik il-persuna. Pawlu tilef rasu litteralment wara Ġesù. Kien xhud tal-imħabba ta’ Kristu: “Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu?” (Rum 8:35) L-Arċipriet? Allaħares. L-Arċipriet irid ikun pont li jgħaqqadna mal-qalb ta’ Ġesù.

Jalla tkunu komunità li tixhed l-akbar effett tal-Ewkaristija, li hu l-imħabba.

Din il-parroċċa li tant tgħożż il-misteru tal-Ewkaristija: Corpus Domini, il-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, li niċċelebraw f’kull quddiesa. Jalla tkunu komunità li tixhed l-akbar effett tal-Ewkaristija, li hu l-imħabba. L-Ewkaristija, mhix ġebla li ngara lil xi ħadd; għax aħna m’aħniex tad-dwana min jidħol u min ma jidħolx. Imma qegħdin hemm biex jekk il-bieb ma jingħalaqx, u m’għandux jingħalaq, jibqa’ dejjem imbexxaq. Ħu ħsieb li l-bieb ta’ qalbek, dejjem jibqa’ mbexxaq, anke għal dawk li ddeċidew li jistrieħu ftit naqra minna.

Nitolbu ħafna għall-arċipriet u nafdah f’idejkom. Kunu intom l-ommijiet, il-missirijiet, l-aħwa li qegħdin hawn ukoll, li tah Ġesù. Fih issibu missier, iben, u wieħed minn ħutkom.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Dan 12:1-3
Salm: 15(16):5,8,9-10,11
Qari II: Lhud 10:11-14,18
Evanġelju: Mk 13:24-32