-
L‑Arċisqof Charles J. Scicluna avviċina lill‑Provinċjal tal‑Ordni Dumnikan u infurmah li jinsab dispost jgħin biex tinstab soluzzjoni sabiex Patri Mark Montebello jkun jista’ jkompli b’kitbietu b’rispett sħiħ lejn l‑impenn tiegħu ta’ saċerdot reliġjuż u b’lealtà sħiħa lejn it‑tagħlim tal‑Knisja. Filwaqt li jirrispetta l‑awtonomija tal‑Ordni Reliġjuż, l‑Arċisqof ħa din l‑inizjattiva konxju tal‑fatt li saċerdot reliġjuż iwieġeb lis‑superjur tiegħu, li huwa l‑Provinċjal tal‑Ordni. F’dan il‑każ l‑Arċisqof la kien infurmat u lanqas ikkonsultat b’xi deċizjoni dwar Patri Montebello.
Kull saċerdot iwiegħed li jirrispetta l‑impenn saċerdotali tiegħu billi jimxi mat‑tagħlim tal‑Knisja u jwasslu fedelment. F’dawn il‑parametri, kull saċerdot, kemm reliġjuż kif ukoll djoċesan, huwa liberu jidħol f’diskussjoni matura u sana dwar temi kurrenti.