L‑Arċisqof Charles Scicluna ħareġ twissija formali lil Dun David Muscat, li fil‑Liġi Kanonika hi msejħa preċett penali, u tah struzzjonijiet biex fil‑fora pubbliċi ma jibqax jagħmel kummenti li jinsulentaw u jweġġgħu, inkella jitwaqqaf milli jeżerċita l‑ministeru saċerdotali fil‑pubbliku.
L‑Arċisqof qal lil Dun David Muscat biex ineħħi post fuq Facebook, fejn is‑saċerdot sostna li tkun gay huwa agħar milli tkun ippossedut, u biex ma jużax lingwaġġ insulenti jew li jweġġa’ kontra kwalunkwe grupp jew individwu.
L‑Arċisqof fakkar ukoll lil Dun David Muscat li skont it‑tagħlim Kattoliku membri tal‑kleru huma mitluba juru rispett, kompassjoni u sensittività ma’ kull persuna f’kull qasam tal‑ħajja.