L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Aħna u nfakkru l-Qaddej ta’ Alla, Bro. Louis, tajjeb li niftakru fih, hu u jgħix u jwettaq il-kliem tal-Evanġelju ta’ San Mattew li l-Knisja taqra u tħabbar fil-festa tal-fundatur għażiż, San Jean-Baptiste de La Salle. “Tassew ngħidilkom, li jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet. U għalhekk l-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu dak li jċekken lilu nnifsu” (Mt 18:3-4). Dan hu misteru kbir, f’kultura u f’soċjetà li teżalta l-ego, il-‘jien’. Dan hu diskors li ma jinftehimx li ċċekken lilek innifsek. Hu proċess twil, ta’ tbatija u li jieħu ħajja sħiħa.  

Ix-xhieda dwar Bro. Louis jindikaw dan il-proċess gradwali. Ma nitwildux qaddisin, imma Alla jagħmilna qaddisin, bil-grazzja u l-ħniena tiegħu. Il-qdusija mhijiex qatt ma dnibt, imma li fid-dnub tagħraf li taħdem fik il-ħniena ta’ Alla kontinwament. Li ċċekken lilek innifsek tista’ tkun avventura straordinarja jekk titgħallem isserraħ mhux fuq il-ħila jew il-bravura tiegħek, imma fuq il-grazzja u l-ħniena ta’ Alla.

Hemm ukoll il-fedeltà lejn l-impenn li nidħlu f’ħajjitna. Aħna l-imgħammdin ilkoll kemm aħna nġeddu l-impenji tagħna kull Għid il-Kbir; li niċħdu lix-Xitan u li nemmnu f’Alla l-Missier, u l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu. Min hu miżżewweġ għandu l-impenji tiegħu għaż-żwieġ. Imbagħad hemm l-impenn tal-ħajja reliġjuża, u l-ħajja saċerdotali. Dawn huma ħiliet kbar. Allaħares naħsbu li t-twettiq tagħhom jiddependi mil-ħila tagħna biss għax nikkrollaw. It-twettiq tagħhom, ikun xi jkun l-istat ta’ ħajjitna, hu kapulavur tal-ħniena, il-grazzja u l-paċenzja ta’ Alla.

San Pawl l-Appostlu Missierna jiddistingwi bejn il-ħniena u l-paċenzja. Togħġobni ħafna din id-distinzjoni. Ħafna drabi meta morru nqerru, immorru għand il-ħniena ta’ Alla. Imma tant nafu n-natura tagħna, u biż-żmien tibda tidra iżjed, tant li l-gandott tas-soltu jekk ma taqax fih, tibda tfittxu; li tgħid, mhux il-ħniena ta’ Alla biss għandi bżonn, imma wkoll il-paċenzja tiegħu. L-Appostlu Missierna San Pawl, f’ħin minnhom jgħid, u juża kelma għażiża għalina, il-kelma ‘protos’. Il-kelma ‘protos’ mill-ewwel tfakkarna f’San Publiju – il-protos tal-gżira, il-“prinċep tal-gżira” (Atti 28:7). San Pawl juża għalih innifsu u jgħid: jiena l-protos. Ta’ xiex? ‘Tal-midinbin’, jgħid. Jiena fost il-midinbin, il-protos; imma Alla uża ħniena miegħi, biex permezz tiegħi juri l-paċenzja bla tarf ta’ Ibnu l-għażiż (ara 1Tim 1:15).

Il-qdusija mhijiex qatt ma dnibt, imma li fid-dnub tagħraf li taħdem fik il-ħniena ta’ Alla kontinwament.

Fil-ħajja ta’ kull qaddej ta’ Alla, ikun hemm bżonn li nfittxuha wkoll. It-Tribunal jistaqsi dwar il-virtujiet umani, jew kardinali ngħidulhom, (ma għandhomx x’jaqsmu mal-kardinali li jilbsu l-aħmar) għax huma l-pern, iċ-ċappetta li fuqha jistrieħ il-bieb tal-umanità tagħna. Kemm togħġobni t-talba li l-Knisja titlob fil-festa tal-fundatur, li titkellem dwar l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, sew bħala bnedmin u sew bħala Nsara. Il-proċess tal-beatifikazzjoni u tal-kanonizzazzjoni, l-ewwel ma jinvestiga hi l-umanità tal-Qaddej ta’ Alla. Għalhekk hemm bżonn li wieħed jagħti prova li dan il-personaġġ kien uman. Uman ta’ veru, mhux biss fid-difetti, imma fis-sens ta’ qies jew temperanza, is-sens tal-qawwa, id-determinazzjoni, is-sens tal-prudenza u s-sens tal-ġustizzja. Dawn l-erba’ virtujiet li nsejħulhom tal-pedament, virtujiet kardinali, huma indikazzjoni li qabelxejn inti bniedem li lħaqt ċertu maturazzjoni f’ħajtek.

Imma n-Nisrani mbagħad għandu atteġjamenti li qisu bħal warda tax-xemx (ġirasol), li jiddi u jdur dejjem lejn Alla: il-fidi, it-tama, u l-imħabba. L-imħabba b’mod konkrett, mhux biss lejn Alla, imma wkoll lejn il-proxxmu; għax kif jgħallimna l-Appostlu San Ġwann: “għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?” (1 Ġw 4:20). Allura din il-karità, din l-imħabba lejn il-proxxmu, il-Knisja tistudjaha b’reqqa kbira. Għax jista’ jkollok bniedem li jemmen ħafna imma kif jgħid San Ġakbu: “anke x-xjaten jemmnuh u jitriegħdu” (1 Ġak 2:19). Għalhekk meta jkollok bniedem jgħid li għandu tama kbira, imma jekk m’hemmx l-imħabba kif jgħallimna l-Appostlu Missierna, ma jiswa xejn.

Il-fortuna ta’ ħafna nies li kienu jafuh hi li permezz tiegħu, fihom ukoll kien hemm l-esperjenza sabiħa tal-grazzja, tal-ħniena u tal-paċenzja ta’ Alla

Għalhekk nitolbu wkoll l-interċessjoni tal-qaddisin, nitolbu għall-Knisja, hi u tiddixxerni fuq il-ħajja ta’ Bro. Louis, biex fih il-Mulej jipprovdilna eżempju sabiħ ta’ proċess ta’ maturazzjoni, li fih l-ego jiċkien, mhux imut, imma jiċkien biex dak li jkun jasal għall-maturazzjoni tal-imħabba. Kemm hi sabiħa l-espressjoni ta’ San Ġwann il-Battista meta jgħid: “Jeħtieġ jikber hu u niċkien jiena” (Ġw 3:30). Hu min hu? L-Għarus, Ġesù. Allura l-kelma li wieħed jgħid tkun il-kelma ta’ Ġesù; il-ħarsa li biha wieħed iħares tkun il-ħarsa ta’ Ġesù; it-tgħanniqa, it-taptipa tal-idejn, ikunu dik il-karezza ta’ Ġesù. Għax aħna, wara kollox, messaġiera tal-Mulej għal xulxin.

Tolqotni f’dawn il-ġranet, u nisimgħuha għada, fil-festa tal-konverżjoni tal-Appostlu Missierna, fir-rakkont li jagħti San Luqa, għax hemm tliet rakkonti kif tafu, tal-konverżjoni ta’ San Pawl. F’kapitlu 22 tal-Atti, meta jerġa’ għall-aħħar darba jirrakkonta l-esperjenza tal-konverżjoni tiegħu, f’ħin minnhom jgħid: “ma stajtx nara minħabba d-dija ta’ dak id-dawl, mexxewni minn idi dawk li kienu miegħi, u hekk wasalt Damasku” (Atti 22:11). Sħabu qabduh minn idu u mexxewh. Kellu bżonn lil sħabu biex jobdi lil Ġesù. Qallu: ‘X’se nagħmel?’ “Qum u mur Damasku. Hemmhekk jgħidulek kulma għandek tagħmel” (Atti 22:10). Sħabu qabduh minn idu u wassluh.

Minn jaf kemm-il darba għamel hekk Bro. Louis bil-kelma tiegħu, bil-vokazzjoni tiegħu ta’ għalliem, ta’ gwida spiritwali ta’ ħafna nies. M’aħniex qed ngħidu li qatt ma żbalja, jew li ma kienx midneb; imma fih dehret il-grazzja, il-ħniena u l-paċenzja ta’ Alla. Il-fortuna ta’ ħafna nies li kienu jafuh hi li permezz tiegħu, fihom ukoll kien hemm l-esperjenza sabiħa tal-grazzja, tal-ħniena u tal-paċenzja ta’ Alla. Għax jista’ jkun li l-ikbar privileġġ li għandna aħna l-Insara, hi dik li nikkommunikaw bil-qalb, mingħajr suppervja, mingħajr sens ta’ superjorità, il-ħniena li biha ngħixu ma’ xulxin u mad-dinja. Mhix missjoni straordinarja dik? Li tirċievi l-ħniena u taqsamha mal-oħrajn. Jekk tgħix hekk, m’hemm l-ebda dnub li se jħammarlek wiċċek, m’hemm l-ebda disfatta li se tkissrek, għax tkun għalik okkażjoni li tiċkien biex jikber Hu; okkażjoni biex Hu juri kemm hu qawwi fil-ħniena tiegħu, u lilek jagħmlek mhux biss appostlu, imma xhud tal-grazzja, tal-ħniena u tal-paċenzja tiegħu.         

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Sirak 39:5-10
Salm: 112:1-7
L-Evanġelju: Mt 18:1-5

Aktar ritratti >>