L‑Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P. għadda għall‑ħajja dejjem fl‑età ta’ 79 sena. Huwa twieled il‑Belt Valletta fil‑25 ta’ Jannar tal‑1946. Kien innominat Arċisqof ta’ Malta fit‑2 ta’ Dicembru 2006 u ħa l‑pussess ta’ Arċisqof fis‑26 ta’ Jannar 2007. Huwa rtira minn Arċisqof fit‑18 t’Ottubru 2014, fl‑età ta’ 68 sena.

L‑Arċisqof Cremona ħalla din id‑dinja f’11:55pm tal‑bieraħ, it‑Tlieta, 18 ta’ Marzu 2025, fl‑Isptar Mater Dei.

F’isem il‑Knisja f’Malta, l‑Arċisqof Charles Scicluna qal li l‑Knisja tibki t‑telfa tal‑maħbub Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona u sellem il‑memorja tiegħu bħala ragħaj fidil u mimli mħabba li l‑Knisja qed “tafdah f’idejn il‑ħniena tar‑Ragħaj it‑Tajjeb”.

Bijografija tal-Arċisqof Emeritu l-E.T. Mons. Pawlu Cremona O.P.

Mons. Pawlu Cremona O.P. twieled il‑Belt Valletta fil‑25 ta’ Jannar 1946 minn Joseph u Josephine née Cauchi. Ħa l‑edukazzjoni primarja tiegħu fl‑iskola tal‑Montessori fil‑Belt Valletta stess u dik sekondarja fil‑Liċeo tal‑Ħamrun. Hu daħal fl‑Ordni Dumnikan f’Settembru 1962 u għamel il‑Professjoni fl‑istess Ordni fid‑29 ta’ Settembru 1963. Studja l‑Filosofija u t‑Teoloġija fil‑Kulleġġ San Tumas ta’ Akwinu fil‑kunvent tad‑Dumnikani, ir‑Rabat, u ġie ordnat saċerdot fit‑22 ta’ Marzu 1969.

Wara l‑ordinazzjoni saċerdotali ntbagħat jistudja t‑Teoloġija Morali fl‑Università Pontifiċja San Tumas ta’ Akwinu f’Ruma (Angelicum) minn fejn fl‑1973 kiseb id‑Dottorat bit‑teżi “The Concept of Peace in Pope John XXIII.

Bejn l‑1974 u l‑1980 kien pirjol fil‑Kunvent Sidtna Marija tal‑Għar, ir‑Rabat. Reġa’ kien pirjol fl‑istess kunvent bejn l‑1997 u l‑2003. Fl‑1981 intgħażel Provinċjal tal‑Provinċja Dumnikana Maltija. Hu serva f’dan l‑uffiċċju għal żewġ perijodi ta’ erba’ snin. Mat‑tmiem tal‑ħidma tiegħu bħala provinċjal, intbagħat kappillan tal‑Parroċċa ta’ Sidtna Marija tar‑Rużarju ta’ Fatima, Gwardamanġa. Bejn l‑1993 u l‑1997 kien responsabbli mill‑formazzjoni tan‑novizzi u tal‑istudenti Dumnikani, uffiċċju li reġa’ kellu għal żmien ieħor qasir bejn l‑2004 u l‑2005. Fl‑2005 inħatar kappillan tal‑Parroċċa ta’ Ġesù Nazzarenu, Tas‑Sliema.

Fit‑2 ta’ Diċembru 2006 tħabbret in‑nomina tiegħu bħala Arċisqof ta’ Malta u kien ikkonsagrat isqof fis‑26 ta’ Jannar 2007. Il‑motto li l‑Arċisqof Cremona għażel għall‑episkopat tiegħu kien: “Ħejju t‑Triq għall‑Mulej.”

Matul il‑ħajja saċerdotali tiegħu, Mons. Cremona qeda f’diversi uffiċċji oħra tal‑Arċidjoċesi fosthom Delegat tal‑Arċisqof għall‑Ħajja Kkonsagrata, Assistent Direttur Spiritwali fis‑Seminarju f’Tal‑Virtù, membru fil‑Kunsill Presbiterali kif ukoll President tal‑Kunsill tas‑Superjuri Maġġuri tar‑Reliġjużi Maltin (KSMR).

Mons. Cremona hu awtur ta’ diversi kotba ta’ natura teoloġika u spiritwali fosthom it‑teżi tiegħu “The Concept of Peace in Pope John XXIII, il‑ktieb “Il‑Knisja: Ikona tat‑Trinità Qaddisa” u kotba oħra dwar il‑kredu u l‑kmandamenti u erba’ kotba li‑kiteb ma’ Patri George Frendo O.P., illum Arċisqof Emeritu ta’ Tirana‑Durres, l‑Albanija.

Il‑Papa Franġisku laqa’ r‑riżenja ta’ Mons. Cremona minn Arċisqof ta’ Malta fit‑18 ta’ Ottubru 2014.

L‑Arċisqof Cremona rtira fil‑Kunvent tad‑Dumnikani r‑Rabat, u fl‑aħħar snin kien f’id‑Dar tal‑Kleru f’Birkirkara.


Kondoljanzi

Min-Nunzju Appostoliku ta’ Malta, Savio Hon Fai-Tai

Condolences-from-Apostolic-Nuncio

Mill-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono

Mill-Prim Ministru ta’ Malta, Dr Robert Abela

Mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Dr Anġlu Farrugia

PR250445

Mill-President tal-Parlament Ewropew, Dr Roberta Metsola

Mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Bernard Grech