L-Arċisqof Georg Ganswein, Prefett tal-Prefettura tal-Papa u Segretarju tiegħu, mistenni li jibqa’ jservi fl-istess irwol li għandu llum anki meta l-Papa Benedittu XVI jirriżenja. Fil-fatt sar magħruf li Mons Georg se jkun qed jakkumpanja lill-Kardinal Ratsinger f’Castel Gandolfo u fil-monasteru fejn se jkun qed jirtira wara r-riżenja tiegħu minn Papa. Is-servizz li fl-aħħar tmien snin kien u għadu qed jingħata Bendittu XVI se jkun qed jibqa’ jingħatalu wkoll meta jirtira.
Id-dettalji ngħataw minn Patri Federico Lombardi, Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha kkjarifika wkoll li l-kardinali li se jkunu qed jaslu Ruma qabel l-1 ta’ Marzu 2013, il-ġurnata li tagħti bidu għall-proċess ta’ tmexxija vakata tal-Knisja, mhux se jkunu qed joqogħdu f’Dar Sanata Marta. Lombardi kkjarifika wkoll li l-aħbar tar-riżenja tal-Papa bis-seħħ mit-8pm tal-aħħar jum ta’ Frar 2013, ma kellha ebda rabta mal-inċident li kellu l-Papa waqt il-vjaġġ tal-Messiku s-sena li għaddiet, u lanqas ma hi marbuta mar-rapport tal-Kummissjoni ta’ tliet Kardinali l-Papa ħatar sabiex jinvestigaw internament il-ħruġ fil-media tad-dokumenti privati tal-Papa.