F’għeluq is-Sena tas-Saċerdoti, li se tiġi ċċelebrata l-Ġimgħa, 11 ta’ Ġunju, 2010, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P, flimkien ma’ 20 saċerdot minn Malta u Ghawdex, ingħaqdu ma’ madwar 11,000 saċerdot minn 110 pajjiz ieħor, ġewwa Ruma. Matul dawn il-ġranet huma qed jattendu kungress organizzat mill-Kongregazzjoni tal-Kleru.

Id-delegazzjoni ta’ saċerdoti Maltin, mmexxija mill-Arċisqof Pawlu Cremona, ingħaqdet mas-saċerdoti li jitkellmu bil-lingwa Ingliza, li qed jiltaqgħu ġewwal-Bazilika ta’ San Paolo fuori le Mura.

Dan il-kungress beda nhar l-Erbgħa, 9 ta’ Ġunju, b’ meditazzjoni mmexxija mill-Kardinal Joachim Meisner, l-Arċisqof ta’ Cologne, Ġermanja, fuq is-sagrament tar-rikonċiljazzjoni.  Il-Kardinal Claudio Hummes, Prefett tal-Kongregazzjini tal-Kleru mexxa ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.

Il-Ħamis, 10 ta’ Ġunju, l-Kungress kompla b’meditazzjoni mmexxija mill-Kardinal Ouellet, Arċisqof ta’ Quebec, Kanada, filwaqt li l-Kardinal Tarcisio Bertone, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan mexxa ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.

Il-Kungress jintemm il-Ġimgħa, 11 ta’ Ġunju, festa tal-Qalb ta’ Ġesu’. Il-ġurnata se tkun ikkarettizzata minn ċelebrazzjoni mmexxija mill-Papa Benedittu XVI, fi pjazza San Pietru.

F’dawn il-jiem, id-delegazzjoni ta’ saċerdoti Maltin żaret ukoll in-Nekropolis – ċimiterju taħt il-Bażilika ta’ San Pietru, fejn skont it-tradizzjoni hemm il-qabar ta’ San Pietru.

Matul din l-esperjenza jispikka ħafna l-ispirtu ta’ fraternita’ bejn is-saċerdoti li kontinwament iġeddu l-impenn tagħhom li jwettqu l-missjoni li afdalhom Ġesu’ fil-komunitajiet tagħhom imxerdin mad-dinja kollha.