Il-Ħamis 20 ta’ Jannar 2011, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. żar il-Kulleġġ Santa Margerita – Skola Primarja A Żabbar. Fl-iskola jattendu 468 tifel u tifla mill-Kindergarten I sal-Year 2. Il-Kappillan ta’ Ħaż-Żabbar, Fr Sebatian Caruana u l-Prinċipal tal-Kulleġġ Mr Stephen Cachia, akkumpanjaw lill-Arċisqof. Kif daħal fil-playground tal-iskola l-Arċisqof sab jilqgħuh it-tfal ixejru bnadar ta’ Malta u tal-Vatikan. Imbagħad it-tfal kantaw ‘O Happy Day’. Tifla tal-Year 2 qrat messaġġ tal-okkażjoni. L-Arċisqof bierek santa tal-Anġlu Kustodju, li wara twaħħlet fil-kuritur tal-iskola, u għamel diskors qasir. Wara li ra programm imtella’ minn żewġ klassijiet tal-Year 2, l-Arċisqof iltaqa’ mas-Senior Management Team, mal-iskrivani, u l-purtinari u grupp ta’ ġenituri. Waqt iż-żjara tiegħu fil-klassijiet l-Eċċellenza tiegħu ra diversi attivitajiet li kienu qed jagħmlu t-tfal u qagħad jitkellem magħhom. L-Arċisqof ingħata rigal magħmul bl-idejn mit-tfal tal-Kindergarten II. Il-programm għalaq fil-playground fejn it-tfal kantaw u żifnu ‘I will follow Him’. Fl-aħħar, grupp ta’ tfal bil-bżieżaq f’idejhom, ħarġu fin-nofs tal-ground u wara li fformaw ċirku telqu l-bżieżaq fl-ajru fost iċ-ċapċip tat-tfal.

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email:[email protected]

Click on the photo to enlarge. The photos of the Archbishop’s events may be purchased from PHOTOCITY, Valletta. Tel: 21236723. Email:[email protected]