Nhar il-Ħamis 16 ta’ Ġunju, 2011, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. waqt żjara lill-pazjenti li qed jingħataw il-kura fl-Isptar Boffa u anke lill-istaff mediku, ħeġġeġ lil morda biex qatt ma jaqtgħu qalbhom fil-mument ta’ għawġ u jħossuhom waħedhom. Fakkarhom li minkejja x-xjenza u l-mediċina għamlu passi ta’ ġgant, l-ispiritwalità tagħti sens lit-tbatija tal-bniedem.
Waqt iż-żjara, l-Arċisqof kien akkumpanjat mill-Ministru tas-Saħħa, Dr. Joe Cassar, u minn Patri Joe Mallia, Kapuċċin li ilu jagħti servizz fl-isptar għal dawn l-aħħar seba’ snin.