L‑Arċisqof Charles Scicluna temm żjara pastorali ta’ jumejn f’Londra fejn iltaqa’ ma’ pazjenti Maltin li bħalissa qed jingħataw il-kura fir-Renju Unit.
Matul din iż‑żjara, l-Arċisqof żar u talab mal-Maltin li jinsabu rikoverati fl-isptar King’s College u fl-isptar Royal Marsden fejn iltaqa’ wkoll ma’ infermiera Maltija. Lill-pazjenti, il-qraba u anke lill-ħaddiema tal-isptarijiet, l-Arċisqof tahom kuruna tar-rużarju sabiex il-Madonna tkun ta’ faraġ u tama għalihom.
L‑Arċisqof iltaqa’ wkoll ma’ wħud mill‑Maltin residenti f’Puttinu House f’Sutton u magħhom iċċelebra quddiesa u ħeġġeġ lill‑pazjenti u l-qrabathom jieħdu ħsieb lil xulxin, b’mod speċjali fi żmien ta’ tbatija. Waqt il-quddiesa, l-Arċisqof talab għal koppja Maltija li kienet preżenti u li fil-jiem li għaddew iċċelebrat 25 sena żwieġ. “Kollox jgħaddi minn din id-dinja, imma l-imħabba għandha l-aħħar kelma u din tibqa’ għal dejjem,” qal l-Arċisqof. Hu rringrazzja l-ħidma ta’ Puttinu Cares u tal-voluntiera ma’ ħutna l-Maltin li qed jirċievu kura speċjalizzata.
F’dawn il-jumejn, l-Arċisqof ċċelebra quddiesa oħra li għaliha kienu preżenti pazjenti u qrabathom, u s-Sorijiet Franġiskani tal‑Qalb ta’ Ġesù u l-Agostinjani. Miegħu kkonċelebraw il‑Patrijiet Franġiskani Konventwali, Patri Mario Sant u Patri Joseph Formosa. Din is-sena, il-Provinċja Maltija tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tagħlaq għaxar snin minn meta ħadet f’idejha l-missjoni li tkun qrib moralment u spiritwalment tal-komunità Maltija li teħtieġ kura fir‑Renju Unit.