• Il-Ħamis 31 ta’ Diċembru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Arċisqof Emeritus Mons. Pawlu Cremona O.P. u l-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi laqgħu lill-awtoritajiet tal-Istat għall-iskambju tal-awguri fl-okkażjoni tas-Sena l-Ġdida, fil-Palazz tal-Arċisqof, il-Belt Valletta.

    Fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Arċisqof irringrazzja lil Gvern għad-djalogu kontinwu li jeżisti bejn il-Knisja u l-Istat. L-Arċisqof irringrazzja wkoll lill-Gvern tas-sapport li jirċievi f’diversi oqsma li fihom hija nvoluta l-Knisja. L-Arċisqof wiegħed lill-Gvern it-talb u sapport tal-Knisja.

    Mal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, l-Arċisqof esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li d-djalogu li tipparteċipa fih il-Knisja jiġi rifless ukoll fid-dibattiti Parlamentari, bħal per eżempju fil-każ tad-diskuzzjoni dwar il-liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijun. 

    Mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, l-Arċisqof enfasizza li f’din is-Sena tal-Ħniena, il-Knisja trid tagħmel għażliet li jridu jkunu ta’ eżempju. L-Arċisqof saħaq li l-Knisja għandha d-dritt tesprimi lilha nfisha mingħajr ma tiġi ttimbrata minn kull timbru partiġġjan. Huwa awgura lill-Kap tal-Oppożizzjoni li ma jibżax jieħu deċiżjonijiet iebsin fejn tidħol l-etika fil-qasam politiku.

    Mal-Kap tal-Forzi Armati u l-Kummissarju tal-Pulizija, l-Arċisqof faħħar il-ħidma riskjuża li ssir fuq l-ibħra tal-Mediterran. L-Arċisqof esprima d-diżappunt tiegħu meta xi membru mill-Korp jew tal-Forzi Armati jweġġa’ waqt il-qadi taf-dmiru. Huwa rringrazzja l-Forzi tal-Ordni għall-preżenza tagħhom f’ħafna mill-inċidenti li jseħħu matul is-sena.

    L-Arċisqof Charles J. Scicluna awgura wkoll l-isbaħ zewqat għas-Sena l-Ġdida lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u s-Sur Preca; lill-Presidenti Emeriti, l-Prim Imħallef u l-membri tal-ġudikatura, u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili. 

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja