L-Arċisqof Charles Scicluna, bħala l-President tal-Konferenza Episkopali Maltija, ħatar lil Dun Mark Ellul bħala d-Delegat il-ġdid għall-Edukazzjoni Kattolika biex jgħin lill-Konferenza Episkopali fil-ħidma tal-Knisja fl-edukazzjoni. Il-ħatra ta’ Dun Mark tirrifletti l-impenn imġedded tal-Knisja biex issaħħaħ l-edukazzjoni Kattolika f’Malta u Għawdex. Bħalissa, Dun Mark hu l-Kap tal-Iskola tas-Seminarju tal-Arċisqof fir-Rabat.
L-Arċisqof irringrazzja lil Dun Charles Mallia għal kważi 15-il sena ta’ servizz dedikat bħala Delegat għall-Edukazzjoni Kattolika.
Fir-rwol il-ġdid tiegħu, Dun Mark Ellul hu responsabbli mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Konferenza Episkopali Maltija. Is-Segretarjat jappoġġja u jikkordina 55 skola tal-Knisja, u jipprovdi appoġġ amministrattiv, kurrikulari, psikosoċjali u pastorali lill-iskejjel tal-Knisja, li b’mod kollettiv jedukaw madwar 17,000 student, kważi terz tal-popolazzjoni tal-istudenti f’Malta u Għawdex.
Dun Mark Ellul, li għandu 45 sena, irċieva l-formazzjoni saċerdotali tiegħu fis-Seminarju tal-Arċisqof fir-Rabat u l-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Hu għandu wkoll Baċellerat fl-Edukazzjoni mill-Università ta’ Malta, u Master of Science fit-Tmexxija Edukattiva mill-Università ta’ Leicester. Bħalissa qed jikkonkludi d-Dottorat fit-Tmexxija Edukattiva fl-University College London.
Dun Mark ġie ordnat saċerdot fit-23 ta’ Ġunju 2010 u għamel sentejn bħala viċi kap tal-Iskola tas-Seminarju tal-Arċisqof, u 13-il sena bħala surmast. Bħalissa jservi pastoralment fil-Parroċċa tal-Isla u huwa membru kemm tal-Bord tal-MATSEC kif ukoll tal-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja.
Fil-missjoni tagħha li tkun Knisja li tilqa’, takkumpanja u taqdi, il-Knisja f’Malta u Għawdex tafferma mill-ġdid l-importanza li tingħata edukazzjoni Kattolika ispirata mill-valuri tal-Vanġelu. Dan l-impenn jenfasizza d-dedikazzjoni tal-Knisja biex trawwem żvilupp ħolistiku, tippromwovi d-djalogu, u tħeġġeġ komprensjoni reċiproka fi ħdan is-settur edukattiv f’Malta.