L‑Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Mons. Stefan Bonanno bħala d‑Delegat għax‑Xandir Reliġjuż.
Mons. Stefan Bonanno twieled il‑Furjana fit‑18 ta’ Diċembru 1965. Huwa beda l‑istudji tiegħu fil‑qasam tal‑elettronika fil‑Fellinberg Training Centre. Irċieva l‑formazzjoni saċerdotali fis‑Seminarju tal‑Arċisqof tal‑Virtù kif ukoll fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta. L‑ewwel iggradwa fil‑Baċellerat fl‑istudji tal‑Filosofija u Komunikazzjoni Soċjali u aktar tard ħa l‑Liċenzjat fit‑Teoloġija Pastorali.
Huwa ġie ordnat saċerdot fit‑8 ta’ Lulju 1994. Serva bħala viċi kappillan tal‑Parroċċa ta’ Marija Immakulata f’Bormla (1994‑1997) u arċipriet tal‑Parroċċa ta’ San Lawrenz fil‑Birgu (1997‑2001). Kompla l‑istudji tiegħu fil‑qasam tal‑komunikazzjoni fil‑Gregorjana, Ruma, u l‑prattika fil‑qasam tad‑direzzjoni televiżiva f’San Jose, f’Kalifornja.
Ipproduċa għat‑televiżjoni aktar minn 120 programm televiżiv u rebaħ tliet Malta Television Awards.
Serva bħala Chairman tal‑kumpanija Media Centre (2012‑2017) li pproduċiet għadd ta’ programmi soċjo‑reliġjużi, u kellu sehem importanti wkoll fil‑qasam edukattiv tal‑media fuq livell nazzjonali.
Minn Marzu tal‑2020 sal‑lum, hekk kif bdiet il‑pandemija tal‑Covid‑19, ingħata r‑responsabbiltà għax‑xandiriet tal‑quddies li jsiru ta’ kuljum mill‑Kurja tal‑Arċisqof u minn diversi parroċċi matul il‑Ħdud kollha tas‑sena.
Id‑Delegat għax‑Xandir Reliġjuż hu responsabbli mit‑trasmissjonijiet reliġjużi fuq it‑televiżjoni u r‑radju mtellgħin mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta.