Illejla, waqt il-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof Charles Jude Scicluna ser jiċċelebra s-Sagramenti tad-Dħul fil-Ħajja Nisranija (magħmudija, griżma u tqarbin) lil 12-il katekumenu, jiġifieri persuni li f’età adulta jagħżlu l-ħajja Nisranija. 

It-12-il adult, li llejla b’dawn is-sagramenti se jsiru membri ġodda tal-Knisja Kattolika, huma minn Malta, iċ-Ċina, it-Turkija, il-Latvija, l-Ingilterra, Franza, in-Nepal u l-Albanija.

Matul ir-Randan, dawn il-persuni ltaqgħu mal-Arċisqof Scicluna bi tħejjija għal dan il-mument importanti f’ħajjithom. Wieħed minn dawn il-katekumeni hu Freyr, li twieled fir-Renju Unit u trabba bħala Xhud ta’ Ġehovah imma waqaf jattendi għal-laqgħat tagħhom meta kellu 12-il sena. Freyr beda jieħu interess fil-Knisja Kattolika fiż-żmien meta miet il-Papa San Ġwanni Pawlu II. Sentejn wara, tkellem ma’ saċerdot dwar il-proċess ta’ konverżjoni. Is-saċerdot qal lil Freyr jispjega r-raġuni għaliex ried isir Kattoliku. Is-saċerdot spjegalu li għandu jkun jaf u jifhem il-fidi tiegħu qabel jikkonverti. Freyr hu grat għal din il-konverżazzjoni u qatta’ 16-il sena jirrifletti dwar xi tfisser il-fidi għalih. Is-sejħa biex jikkonverti għall-Kattoliċiżmu saret iktar b’saħħitha wara li ġie jgħix f’Malta u f’Ħadd il-Għid tas-sena li għaddiet ħassu ispirat jesprimi r-raġuni għaliex ried jikkonverti u applika biex jagħmel il-programm tar-Rit għad-Dħul tal-Adulti fil-Ħajja Nisranija

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid tibda fit-8:00 p.m. u tinkludi: it-tberik tan-nar li jsir fuq iz-zuntier tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u tkompli bit-tħabbira tal-Għid; il-qari ta’ siltiet mill-Kotba Mqaddsa u l-kant tal-Glorja; it-tberik tal-ilma, jiġifieri meta l-blandun mixgħul min-nar imbierek fuq iz-zuntier jiddaħħal fl-ilma; u l-liturġija tal-Ewkaristija. 

Bl-ilma mbierek jitgħammdu l-katekumeni li jirċievu wkoll il-Griżma tal-Isqof biż-żejt tal-Griżma li ġie kkonsagrat nhar Ħamis ix-Xirka filgħodu. Waqt l-istess Vġili, l-imgħammdin ġodda jirċievu t-tqarbin. Fil-Knisja Kattolika dawn is-sagramenti huma l-pedament li fuqhom tinbena l-ħajja tal-membri tagħha u li jħejju t-triq għas-sagramenti l-oħra.

Din iċ-ċelebrazzjoni tixxandar fuq TVM News+, Radju 103, knisja.mt u Newsbook.com.mt. Il-link taċ-ċelebrazzjoni: