• Fil-Lejl tal-Milied, nhar l-24 ta’ Diċembru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra l-Quddiesa ta’ Nofsillejl fil-Katidral tal-Imdina, fl-okkażjoni tas-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu.

  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Katidral tal-Imdina

    24 ta’ Diċembru 2015

    Nixtieq naqsam ftit ħsibijiet qosra f’dan il-lejl qaddis.

    Din is-sena, jiena u nirrifletti fuq il-Vanġelu (Lq 2, 1-14) li għadna kemm smajna u li nisimgħuh kull sena f’dan il-lejl qaddis, laqatni l-fatt li r-rakkont ta’ San Luqa jipprova jagħtina ħjiel kronoloġiku tal-avveniment li se jirrakkonta. Jagħmel hekk fil-kapitlu li bih jibda l-Vanġelu, fl-ewwel kapitlu, jerġa’ jirrepeti din in-nota kronoloġika fil-bidu ta’ dan it-tieni kapitlu, u jerġa’ jagħmel l-istess fil-bidu tat-tielet kapitlu li jibda l-ħajja pubblika ta’ Ġesù meta kellu tletin sena.  

    Għaliex San Luqa huwa preokkupat bid-dettal kronoloġiku? Dik il-ħabta “Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha. Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja” (Lq 2, 1). Jissemmew żewġ protagonisti storiċi: Ċesari Awgustu u Kirinu, li kien gvernatur tas-Sirja. Is-Sirja kienet ikbar mis-Sirja li nafu llum, kienet tinkludi l-Lebanon u anke parti mill-Galilea prattikament, kienet Sirja ħafna iżjed kbira minn dik ta’ Assad tal-lum. Imma qed nitkellmu dwar l-istess parti ġeografika li elfejn sena ilu kienet art tal-inkwiet u għadha hekk sal-ġurnata mqaddsa tal-lum – ma ċċaqilhietx din l-art, għadha kif kienet.

    Hemm żewġ motivi. L-ewwelnett Luqa qed jinsisti li dak li aħna qegħdin niċċelebraw illejla mhiex ħrafa imma avveniment li sar fl-istorja. Din it-tarbija twieldet, mhijiex frott l-immaġinazzjoni, mhijiex la Father Christmas u lanqas Mary Christmas. Huwa Ġesù ta’ Nazaret li twieled f’Betlehem. Dan l-avveniment sar taħt l-ubbidjenza tal-Imperatur u tal-gvernatur. Imma din hija ubbidjenza ta’ din id-dinja. L-imperatur hu u jiddigreta ċensiment, ried juri l-qawwa tiegħu, il-fatt li kien imperatur Awgustu li, biex ngħidu hekk, kien jgħid b’ċerta kburija li hu ġab il-Pax Romana, dik il-paċi fid-dinja ċivilizzata ta’ dak iż-żmien. Ħabbar lilu nnifsu bħala l-missier tal-popli tiegħu u ta lilu nnifsu dan it-titlu: missier tal-popli tiegħu. U beda jissejjaħ wkoll salvatur u Kiryos ukoll, Mulej.

    Mela meta Luqa jintroduċi r-rakkont tat-twelid ta’ Ġesù b’dan il-personaġġ storiku li lilu nnifsu ta’ dawn it-titli kbar, qed jinfexx ukoll fi ftit ironija, għaliex? Għax jekk aħna ninnotaw it-taħbira li l-anġli jagħtu lir-ragħajja, nindunaw li l-istess titli li l-imperatur Awgustu storikament kien addotta għalih innifsu ftit qabel, l-anġli jindikaw bihom “tarbija ċkejkna infisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2, 12). “Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu il-lum fil-belt ta’ David” – mhux ġo Ruma – “fil-belt ta’ David, Betlem, tweldilkom Salvatur li hu l-Messija, il-Mulej” (vv 10-11). Tlett titli! Salvatur, titlu li kien ħa għalih innifsu anke l-imperatur, kienu jgħidulu Soter, Salvatur, Mulej, Kiryos kien ukoll titlu imperjali, u Messija. Messija huwa l-midluk tal-Mulej; dan huwa titlu li huwa iżjed għall-poplu Lhudi mhux għar-Rumani. Lill-poplu Lhudi kien imwiegħed il-Messija, il-midluk tal-Mulej, il-Kristu.

    Imma s-sinjal li jagħtu l-anġli juru l-ironija tat-titli ta’ Awgustu Ċesari u r-realta’ li qegħdin niċċelebraw illum bħala sinjal: “li tweldilkom Salvatur, Messija, u Mulej issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura”, mhux f’xi cot sabiħ, imma f’maxtura, ir-reċipjent li minnu jieklu l-għalf tagħhom l-annimali. Ommu Marija, meta wieldet dan l-ewwel iben tagħha, “fisqietu u medditu f’maxtura għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda”. Bil-Latin il-kelma maxtura hija in presepio. Aħna meta nużaw il-kelma presepju nużawha għax-xena kollha l-isem tal-maxtura. Din il-maxtura hija s-sinjal li twieled għalina s-Salvatur u għalhekk it-tarbija, tmint ijiem oħra, tissemma Ġesù, Alla jsalva. Il-Messija, l-Imwieled, il-Midluk, il-Kristu huma l-istess kelma Kristos, il-midluk, il-Messija u l-Mulej.  

    Aħna qegħdin fis-Sena tal-Ħniena. L-ironija ta’ Luqa, hu u jintroduċi l-Vanġelu tat-twelid ta’ Ġesù bl-arroganza tal-poter ta’ Awgustu, imbagħad jindika li l-veru Salvatur, l-veru Mulej, hija tarbija f’maxtura, tindika din l-aħbar straordinarja tal-ħniena ta’ Alla. Kif tista’ inti taqta’ qalbek minn Alla u mill-ħniena tiegħu meta tħares lejn din it-tarbija f’maxtura? Ma tistax! Aħna lkoll nagħmlu kuraġġ meta l-wiċċ ħanin tal-Mulej, l-ewwel ħaġa u l-ewwel darba li jixref fuq ix-xefaq ta’ ħajjitna, huwa il-wiċċ ta’ tarbija, mhux tal-imperatur li wara kollox irid jgħoddna biex jitlobna xi taxxa. Għax iċ-ċensiment kien isir għal żewġ skopijiet: għat-taxxa u għas-servizz militari, imma l-Lhud kienu eżenti mis-servizz militari. Mela nafu li fil-Lhudija, iċ-ċensiment kien isir biex jiġbru t-taxxi. Din it-tarbija ma tiġbor l-ebda taxxa imma tqassam il-ħniena. U tqassamha b’xejn. U l-kelma ta’ din il-ħniena u ta’ din l-imħabba li hi b’xejn, hija grazzja.    

    Għalhekk San Ġwann jgħidilna: “lil Alla għadu ħadd ma rah, imma l-iben il-waħdieni tiegħu li hu fi ħdan il-Missier, uriena il-milja tad-divinità għax lilu rajnih mimli grazzja u verità” (ara Ġw 1, 17-18).  Ġesù huwa mimli grazzja għaliex huwa l-Iben ta’ Alla li sar bniedem biex lili u lilek jipperswadina, li ma jħobbniex għax aħna twajbin, ma jħobbniex għax aħna bravi jew qaddisin, imma jħobbna, iħobbna u ta ħajtu għalina. Ftakru fit-tieni omelija (mill-Uffiċċju tal-Qari, it-tieni lezzjoni), wara dik ta’ Jake li smajna llum, meta Ljun il-Kbir jgħidilna: “tinsewx il-prezz tal-fidwa tagħkom huwa d-demm ta Kristu”.

    Għalhekk nisimgħu bil-qalb, u nagħlaq b’dan il-ħsieb, il-kelma tal-Appostlu Missierna San Pawl lil Titu: “Hu ta lilu nnifsu għalina” (v 14). Meta inti tħares lejn il-presepju jew inkella lejn il-Bambin li għandek fil-maxtura d-dar, aħseb f’dan: Hu ta lilu nnifsu għalik, hu ta lilu nnifsu għalina biex jifdina minn kull ħażen u jnaddafna u jagħmel minna poplu magħżul għalih, poplu mħeġġeġ għall-għemil it-tajjeb.

    Din is-sena, dan l-għemil it-tajjeb huwa l-għemil tal-ħniena, l-opri tal-ħniena: li inti titma’ lil min hu bil-ġuħ, tisqi lil min hu bil-għatx, iżżur li min hu waħdu. Tinsewhomx il-qraba li huma weħidhom. Jekk hemm xi ħadd mill-familja li ilek ma tisimgħu, ħu l-ewwl pass int. Agħmel bħal Ġesù, kun int li ċċempel, għax aħna ħafna drabi nbatu bis-suppervja u ngħidu: ‘iċċempel hi, mhux hi!’. U nibqgħu sejrin hekk, u ma jċempel ħadd lil ħadd imbagħad.Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna fil-Milied, waqt li niftakru li l-Iben t’Alla sar bniedem, nagħmlu l-ewwel pass aħna, biex inħobbu lil xulxin u nkunu tassew poplu imħeġġeġ għall-għemil it-tajjeb. 

     Charles J. Scicluna

         Arċisqof ta’ Malta