-
-
Nhar is-Sibt 26 ta’ Diċembru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa mal-familji, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Il-Quddiesa saret fl-okkażjoni tal-festa tal-Familja Mqaddsa, u ġiet organizzata mill-Moviment ta’ Kana.
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
-
Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
26 ta’ Diċembru 2015
Ħa nibda b’kummentarju viżiv. Min ma jafx dwar il-pittura ta’ Murillo ‘is-Sagra Familja’, imur fuq l-internet u jfittex fil-Google: Murillo Holy Family. Imma jekk għandkom idea, imqar remota, ta’ din il-pittura famuża tas-Sagra Familja ta’ Murillo, tafu li fin-nofs hemm il-Bambin Ġesù ta’ tnax il-sena, prattikament tifel imqareb. Hemm ukoll San Ġużepp u l-Madonna, imbagħad fuq hemm l-Ispirtu s-Santu u l-Missier.
Din il-pittura ta’ Murillo tolqotni ħafna għaliex hemm trinità orizzontali: San Ġużepp, Ġesù u l-Madonna, u hemm it-Trinità Qaddisa li hija vertikali: il-Missier, l-Ispirtu s-Santu u Ġesù li huwa l-Iben. Murillo, b’mod sottili imma qawwi ħafna, lil Ġesù jirrappreżentah fir-rwol doppju tiegħu: l-Iben ta’ Alla, it-tieni persuna tas-Santissima Trinità magħmul bniedem, miegħu għandu lil ommu li ġarritu fil-ġuf għal disa’ xhur, u lil missieru legali.
Qed ngħid hekk għaliex fil-Vanġelu li għadna kemm smajna (Lq 2, 41-52) mit-tieni kapitlu ta’ San Luqa, Ġesù għandu żewġ missirijiet. Hija l-ewwel darba li b’mod ċar, meta tindirizza lil Ġesù u ssemmi lil Ġużeppi quddiem il-barranin, Marija, il-mama tiegħu, tgħidlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma” (Lq 2, 48). Qed tgħid għal Ġużeppi ‘missierek’: il-Madonna taċċetta l-missjoni straordinarja ta’ Ġużeppi li jkun missier ta’ Ġesù mhux fl-ordni tat-tnissil imma quddiem il-liġi u bil-missjoni tiegħu li jħarsu.
Ġesù jirreferi għal missier ieħor. Qalilhom: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jien għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” (Lq 2, 49). Mela nistgħu ngħidu li f’żewġ versi hemm żewġ missirjiet ta’ Ġesù: il-missier ta’ din id-dinja li huwa Ġużeppi, u l-Missier fl-ordni tat-Trinita Qaddisa. Din hija xi ħaġa li għandha tispiralna dan il-ħsieb li se naqsam magħkom.
Jalla f’kull familja tagħna jkun hemm l-għożża li aħna niftakru li għandna missier fis-sema li qed iħarisna u li qed jibnilna d-dar tagħna; mhuwiex il-missier li joħroġ għax-xogħol filgħodu u li jirritorna, u li l-ferħ tiegħu hija l-għozza ta’ wliedu u martu, imma missier li huwa Ħallieq, huwa l-imħabba. Kull familja tista’ tgħid il-kliem ta’ Ġesù: ‘jien għandi nkun dak li u ta’ missierna’, differenti minn Ġesù, ‘ta’ missierna’. U xi tfisser? Li tagħmel ir-rieda tiegħu.
Nixtieq ukoll naqsam ħsieb ieħor. Hawnhekk lil Ġesù narawh f’mument imqareb tiegħu. Mument ieħor meta jkun ftit imqareb huwa meta taqbiżlu u jibda ‘jsawwat’ lil min hemm fit-tempju (ara Ġw 2, 13-15). Għax lil Ġesù kienet taqbiżlu wkoll iċ-ċinga, bħalma jiġri lilna. Hu kien ikollu reazzjonijiet ukoll mhux ħelwin. Ma nafx jekk qatx rajtu l-pittura ta’ El Greco, b’Ġesù jkeċċi l-bejjiegħa fit-tempju bil-qilla ta’ din il-figura li hija estiża bis-sawt, jiġifieri mhijiex tal-Bambin ħelu tax-xemgħa li fix-xemx Maltija jdub. Darba ħdejna kien hemm waħda kellha Bambin tax-xemgħa minn dawk l-antiki mlibbsin bil-mant aħmar. Ħin minnhom dan mejjel rasu imma għax bix-xemx li kien hemm wara l-ħġieġa beda jdub. Ma kienx miraklu, kien sempliċement Bambin tax-xemgħa li beda jdub.
Imma Ġesù mhux hekk. Illum qegħdin narawh ukoll jikber ta’ adoloxxent li qed jiġġieled għall-awtonomija tiegħu. Min għandu jew kellu t-tfal f’din l-età – aħna wkoll wara kollox konna f’din l-età – jifhem mal-ewwel li Ġesù, ta’ tnax il-sena, b’mod speċjali f’kultura fejn ta’ sittax inti kont tiżżewweġ, ta’ tnax inti adoloxxent li għandek iżjed mill-awtonomija tiegħek, dan qabad u ddeċieda, imma lilhom qasmilhom qalbhom. Meta nitlob fuq din is-silta’ tal-Vanġelu, niftakar fil-familji li minħabba problema jew oħra lil Ġesù jgħidulu: ‘għaliex għamiltilna hekk? Konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma’. Għax meta jgħaddu minn fuqna l-mard jew inkella xi kriżi fil-familja, aħna donnu nitiflu wkoll is-sens tal-preżenza ta’ Ġesù. Il-qalb maqsuma tagħna tkun qiegħda tfitxxu, tkun mitlufa. U din il-karba ta’ ommu Marija ssir ukoll il-karba ta’ tant familji.
“Għaliex kontu qegħdin tfittxuni?” Il-Mulej jgħidilna hekk għax ir-risposta hija “jiena dejjem magħkom”. Lill-familji tagħna Ġesù jgħidilna: ‘jiena Għimmanu-El, Alla magħkom. Meta minħabba id-dgħufija tal-bnedmin, minħabba xi kriżi jew mument ta’ dlam, intom tħossuni l-bogħod, tfittxuni u forsi ma ssibunix, tibżgħux, jiena magħkom’.
Ejjew nitolbu biex il-familji tagħna, li forsi tilfu s-sens tal-preżenza ta’ Ġesù f’nofshom, ma jibżgħux jerġgħu jiskopruh anke fis-salib tat-tbatija. Jiena nitlob ukoll għall-familji li forsi fil-pitazz tal-ħajja m’għandhomx kollox dritt – bħal ta’ kulħadd – biex infakkarhom f’dak li għidna aħna l-Isqfijiet fl-Ittra tagħna fil-bidu tas-Sena tal-Ħniena, li Alla m’hemmx għalfejn joqgħod jara l-pitazz ta’ kemm ġibna stars. Qabel kienu jagħtuna l-istars, twaħħlilna star l-għalliema biex tgħidlek ‘iva, jiena se nħobbok għax inti raġel sew jew mara eżemplari,. Il-Mulej iħenn għalina, iħobbna fis-sitwazzjoni li qegħdin fiha. Hu jerfagħna għax ismu: Alla li jsalva, Alla li jsaħħah, Alla li jerfa’.
Nitolbuh għal dawk li qegħdin jippreparaw għaż-żwieġ biex isibu fostna, mhux biss eżempju ta’ fedeltà imma wkoll sostenn. Uħud miż-żgħażagħ inħosshom qegħdin jibżgħu mill-impenn taż-żwieġ. “U dan xi tridu? Din ir-rabta kollha min iridha?” Hija sfida! Ma noqgħodux ninħbew wara subgħajna, hija sfida! Irridu inkellmuhom ċar lill-għeżież żgħażagħ tagħna, li veru, anke l-appostli meta Ġesù qalilhom fuq il-liġi: ‘isma’ din għal dejjem’, qalulu: ‘mela aħjar ma jiżżewwiġx dak li jkun”. Dawn l-appostli, aħseb u ara aħna! Qalilhom: “għal bniedem jista’ jkun impossibbli imma għal Alla xejn m’hu impossibbli” (ara Mt 19, 10-12).
Din il-kelma li qal lil Marija, Ġesù jgħidha lilkom. Għalhekk, kemm hi ħaġa sabiħa li meta nitolbu lil Familja Mqaddsa ma nitolbux biss lil Ġużeppi, lil Marija u lil Ġesù, imma niftakru wkoll li l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, Ġesù, qiegħed f’kollegament kontinwu mal-Missier tiegħu, qiegħed dak li hu ta’ Missieru u jagħtina l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex niġġeddu kuljum.
“Ġesù baqa’ jikber fil-għerf, fiż-żmien u fil-grażżja quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (Lq 2, 5). Jiena nitlob għall-familji tagħkom biex jibqgħu jikbru fil-għerf, fis-snin u fil-grazzja quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta