L‑Arċisqof Charles Scicluna inawgura kollezzjoni ġdida ta’ opri tal‑arti fil‑Mużew tal‑Katidral tal‑Imdina. Din ingħatat b’donazzjoni minn Dr John Bugeja Caruana biex titgawda mill-pubbliku. Il‑kollezzjoni, li tinsab fis‑Sala Nobile tal‑mużew, tinkludi pitturi, għamara, għadd ta’ muniti antiki u artifatti oħra taċ‑ċeramika u tal‑fidda. Il‑pitturi jinkludu xogħlijiet ta’ Mattia Preti, Antoine Favray, Francesco Zahra u oħrajn, waqt li l‑kollezzjoni tal‑għamara hija waħda mill‑ifjen f’Malta.
Fil‑messaġġ tiegħu waqt l-inawgurazzjoni, l‑Arċisqof Charles Scicluna rringrazzja lil
Dr Bugeja Caruana tal‑ġenerożità u l‑fiduċja kbira tiegħu li jgħaddi dan il‑patrimonju artistiku lill‑Knisja sabiex jitgawda mill‑pubbliku Malti u mit‑turisti. Filwaqt li ddeskriva din id‑donazzjoni ta’ arti bħala att ta’ responsabbiltà, l‑Arċisqof irrefera għall‑għatx li l‑Kavallieri ta’ San Ġwann kellhom għal dak kollu li hu sabiħ u li sal-lum nistgħu ngawdu mill‑viżjoni li kellha l‑Ordni. F’dan il-kuntest huwa staqsa kif se nħallu lil pajjiżna lil dawk li għad iridu jiġu warajna: “Qed tinbet il‑kultura ta’ ‘issa’, irrid ingawdi issa, jimpurtani minn issa, irrid il‑profitt issa. Dan l-atteġjament qed ikisser lilna, qed ikisser l‑ambjent mibni tagħna u l‑pajsaġġ karatteristiku tagħna.”
Il‑Mużew tal‑Katidral tal‑Imdina twaqqaf fl‑1897. Fl‑1969 fetaħ il‑bibien tiegħu għall‑pubbliku mill‑binja tas‑seklu 18 li tinsab maġenb il-Katidral ta’ San Pawl. Il‑mużew hu mogħni b’għadd ta’ kollezzjonijiet artistiċi tal‑perjodu Barokk Malti u anke lbies ekkleżjali li ngħataw lill‑Kapitlu tal‑Katidral matul l‑aħħar mitejn sena minn individwi u saċerdoti, biex b’hekk sar wieħed mill‑aktar mużewijiet ewlenin f’Malta.
Il-kollezzjoni l-ġdida tal-arti hi miftuħa għall-pubbliku mil-lum il-Ħamis, 26 ta’ Awwissu 2021. Aktar dettalji jinkisbu fuq il-website www.metropolitanchapter.com.
Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Nixtieq nirringrazzja ħafna lill-Monsinjur Edgar Vella u lilek Prof. Keith Sciberras tal-entużjażmu kontaġġjuż tagħkom, però ninsabu f’pandemija fejn il-kontaġju naħseb għajjiena naħseb, imma l-entużjażmu tagħkom verament jentużjażma lilna, u jimliena b’kurżità sana. Imma llum il-grazzi tagħna tingħaqad magħkom, miegħek Mons. Vella u miegħek Prof. Sciberras u lilek Dr John Borg Caruana tal-ġenerożità tiegħek. Kif ukoll tal-att kbir ta’ fiduċja f’din l-istituzzjoni. Jiena, f’isem il-Knisja, nimpenja ruħi solennament biex inkunu denji ta’ fiduċja tant kbira. Għaliex din id-donazzjoni mhix biss att ta’ fiduċja fid-diliġenza attwali tal-Mużew u fil-Kapitlu tal-Katidral, imma hija wkoll att ta’ tama fil-ġenerazzjonijiet futuri. Nixtieq nirringrazzja ħafna umilment lill-istaff kollu tal-Mużew tal-Katidral.
Għandna bżonn niskopru iżjed dan is-servizz u din ir-responsabbiltà. Aħna kif ser inħallu lil pajjiżna lill-ġenerazzjonijiet futuri? Qed tinbet il-kultura ta’ ‘issa’, li ovvjament diġà qiegħda magħna; irrid ingawdi issa, jimpurtani minn issa, irrid il-profitt issa. Dan l-atteġġjament qed tkisser lilna, qed tkisser l-ambjent mibni tagħna, u l-pajsaġġ karatteristiku tagħna. Imma dawn il-mumenti ta’ fiduċjajibqgħu mumenti ta’ tama kbira, mhux biss ta’ kburija fil-patrimonju tagħna u tax-xorti tajba li messitna li f’pajjiżna kien hawn nies li kellhom il-ġenju tal-prattiċità imma wkoll kellhom l-għatx għas-sbuħija. Jekk bnejna belt, bnejnieha sabiħa. Nieħdu l-eżempju tal-Kavallieri ta’ San Ġwann: huma kienu jordnaw iżda mbagħad il-Maltin kienu jġorru l-ġebel u t-terrapien. Dak iż-żmien kien hemm l-għatx għas-sbuħija: ġibna l-aqwa artistiċi, anzi, il-Kavallieri ġabu l-aqwa artisti. Aħna qed ingawdu wkoll politika sana tas-sbuħija.
Jista’ jkun kienu despoti u ma kienx hemm il-libertà li għandna llum, imma bil-libertà kollha li għandna llum, fejn wasalna? Allura dan huwa mument ta’ kburija kbira, ta’ gratitudni, imma ta’ responsabbiltà. Dr Borg Caruana, jiena nerġa’ nirringrazzjak, mhux biss f’isem il-Kapitlu, il-Mużew tal-Katidral u l-Knisja, imma bħalma qalu Prof. Sciberras u Mons. Edgar Vella, qed nirrigrazzjak f’isem Malta. Grazzi tal-ġenerożità kbira tiegħek għax nifhem li inti tajt ħajtek biex tibni din il-kollezzjoni u issa qed tħoss li wasal iż-żmien tal-konsenja. Aħna rridu nkunu responsabbli li din il-konsenja, li inti għażilt tagħmel hawnhekk, tkun mhux biss sinjal tal-fiduċja tiegħek, imma sinjal tar-responsabbiltà tagħna. Grazzi, u għandi l-pjaċir niddikkjara li dan l-ambjent mużikali hu formalment miftuħ għal kulħadd.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta