• L-Erbgħa 2 ta’ Diċembru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna fetaħ il-15-il edizzjoni tal-‘Orange Campaign’ fuq il-kampus tal-Università, fil-ftuħ tal-kampanja ‘Make My House a Home Orange Campaign’. Matul din il-kampanja, organizzata mill-Għaqda Studenti tat-Teoloġija b’kollaborazzjoni ma’ RTK 4 Charity, qed jinbiegħ larinġ magħsur biex jinġabru l-flus għall-Preventive Care Unit fi ħdan l-Uffiċċju ‘Ejjew Għandi’, b’risq il-familji bi tfal li huma f’riskju ta’ faqar. Dalgħodu żaru wkoll din il-kampanja l-Onor. Ministru Michael Farrguia u l-Onor. Paula Mifsud Bonnici.

    Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • L-Universita’ ta’ Malta, Tal-Qroqq

    2 ta’ Diċembru 2015

    L-ewwelnett insellem lil kull min qiegħed jismagħna. Waqt li qed nisma’ lill-Onorevoli Ministru, u anke lill-Onorevoli rappreżentanta mill-Oppożizzjoni, ħadt pjaċir nisma’ l-istess valuri u l-istess prinċipji li għandhom wkoll għeruq fl-aħbar it-tajba li ġab il-Mulej Ġesù u li qegħdin niċċelebrawha wkoll f’dan l-Avvent li bdejna.

    Jiena irrid nikkonferma dak li għedt inti, fis-sens li l-impenn tal-komunità Nisranija se jibqa’ hemm biex il-bniedem ikun rispettat fid-dinjità tiegħu, f’kull qasam soċjali, mill-bidu tal-ħajja tiegħu sa tmiemha. Il-fatt li inti tagħmel ħiltek biex il-Vanġelu ssarfu fil-prattika, jiġi mill-istess eżempju ta’ Ġesù.

    Aħna nitkellmu dwar l-opri tal-ħniena fil-kuntest tal-Ġublew tal-Ħniena li se jibda fi ftit jiem. Kif nafu, il-Papa Franġisku diġa fetaħ l-ewwel bieb f’Bangui, fl-Afrika. Dan is-sens ta’ solidarjetà huwa sens ta’ ħniena wkoll. F’din is-Sena tal-Ħniena, nispera u nawgura li tant manifestazzjonijiet ta’ solidarjetà jkomplu jkabbru fostna mhux biss rispett lejn xulxin imma wkoll dan l-għarfien li wara l-maskra ta’ kull bniedem, b’mod speċjali fit-tbatija tiegħu, hemm ukoll persuna umana li għandha għatx għall-imħabba, għas-solidarjetà, u għall-kompassjoni, li huma l-ħniena fil-qalba vera tagħha.

    Jiena nitlob ukoll li l-ebda biża’ u l-ebda terrur ma jfixkilna milli naħdmu biex negħlbu l-paniku jew id-disprezz imma naħdmu biex ma kull ma’ min niltaqgħu, aħna fih naraw il-persuna ta’ Ġesù għax meta niltaqgħu miegħu se jistaqsina – “kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont għeri u libbistuni” (Mt, 25,35) – affarijiet konkreti li jsarrfu lilna u l-maħfra. 

    Jiena nixtieq nirringrazzja lil Għaqda Studenti tat-Teoloġija u lill-RTK ukoll ta’ din l-inizjattiva. Hawnhekk, f’dan l-ambjent sabiħ illum qed tiddi x-xemx avolja t-tieni jum ta’ Diċembru. Jalla jkollna l-possibiltà, mhux biss li nieħdu ftit larinġ frisk magħsur, imma wkoll li nuru solidarjetà mad-djar tat-tfal. Jiena nixtieq nirringrazzja wkoll, f’isem il-Knisja lill-Monsinjur Victor Zammit McKeon tax-xogħol li jagħmel, lill-istaff u lill-kollaboraturi tiegħu, u lil tant persuni li b’sens ta’ dedikazzjoni jagħmlu ħilithom biex dan is-servizz lis-soċjetà jkompli, u jkompli mill-aħjar.

    Nixtieq ukoll nirringrazzja lill-Istat tal-appoġġ kbir li jagħti lil dawn l-inizjattivi. Nirringrazzja lill-Istat għaliex fl-awtonomija ta’ bejn Knisja u Stat, f’Malta għandna eżempji sbieħ ħafna ta’ kooperazzjoni li hija tradizzjoni ġejja mit-tul u li persważ, għax nara ħafna rieda tajba f’kulħadd, li għandha wkoll futur.

      Charles J. Scicluna

         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja