• Il-Ġimgħa, 31 ta’ Mejju 2019, l-Arċisqof Charles J. Scicluna bierek u fetaħ il-post il-ġdid tal-istazzjon ta’ Radju Marija. L-inawgurazzjoni timmarka wkoll l-24 sena minn meta jxandar Radju Marija f’Malta.

    Iċ-ċerimonja bdiet b’messaġġ ta’ merħba mid-Direttur Fr Antoine Borg li tkellem dwar il-ferħ li issa, wara tant snin, bl-għajnuna ta’ ħafna semmiegħa u benefatturi jista’ jxandar f’post aktar addattat għall-missjoni ta’ Radju Marija. Il-koordinatur ta’ Radju Marija, Michael Amato fisser kemm sar xogħol biex sa fl-aħħar setgħet isseħħ din il-ħolma.

    Għal din l-attività attenda wkoll rappreżentant tal-World Family of Radio Maria għall-Ewropa, Raffaele Galati, li qal li biex il-missjoni ta’ Radju Marija tinxtered mad-dinja, fl-istess waqt li qed jiġi inawgurat il-bini ġdid ta’ Radju Marija fir-Rabat, qed jiġi inawgurat ukoll Radju Marija f’Erbil fl-Iraq.

    Fil-messaġġ tiegħu l-Arċisqof Charles J. Scicluna appela sabiex niftakru u nitolbu għal kull min ta’ sehemu f’Radju Marija u radd ħajr għall-ġid kbir li qed isir permezz tar-radju. Wara bierek id-dar u l-istudios u kixef plakka kommemorattiva wara mument ta’ talb  ma’ dawk kollha preżenti.

  • Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Radju Marija, ir-Rabat

    31 ta’ Mejju 2019

    Jiena u nara tant uċuħ li nafhom, għedt li l-familja ta’ Radju Marija hija verament familja mżewqa u mimlija talenti. Ilkoll kemm intom ġejtu hawn għaliex intom parti mill-istorja ta’ dan l-avveniment.

    Inħoss li aħna u ninawguraw sede ġdida għal Radju Marija, huwa dover tagħna fil-verità u fil-ġustizzja, li nirringrazzjaw lil kull min ħadem f’Radju Marija f’dawn l-aħħar 24 sena, ħadd eskluż. 24 sena ilu nżergħet żerriegħa minn persuni li forsi llum mhumiex hawnhekk fostna, imma aħna qegħdin ingawdu l-frott tagħhom. Il-ħajja fiha diversi staġuni. Ngħaddu minn diversi esperjenzi, daqqa tkun ix-xitwa bħalma kellna lbieraħ u daqqa jiġi s-sajf u ħafna drabi ma tkunx taf meta. Illum tilbes skont ilbieraħ u tgħid: ‘Ara x’għamilt jien’

    Nixtieq insellem ħafna lis-semmiegħa ta’ Radju Marija għaliex is-semmiegħa ta’ Radju Marija, li huma ġenerużi bis-sapport tagħhom, jipparteċipaw bil-qalb f’dak kollu li Radju Marija hu, mhux biss fil-programmi imma b’mod speċjali fil-mumenti ta’ talb. Jiena, bħala ragħaj ta’ din id-djoċesi, naf u nikkonferma kemm faraġ iġib Radju Marija f’tant familji u ambjenti. Meta wieħed jiltaqa’ mal-frott ta’ Radju Marija ma jistax ma jikkonfermax li wara dan il-proġett hemm l-id ta’ Alla. Ir-responsabbiltà tagħna hija li nkunu fidili lejn l-ispirtu ta’ Ġesu kif tixtieq Sidtna Marija.

    Illum qed ninawguraw din id-dar ġdida fil-festa taż-żjara ta’ Marija lil Eliżabetta: inizjattiva ta’ mħabba, inizjattiva li lil Marija, għalkemm tqila bil-Kelma ta’ Alla magħmul bniedem fil-ġuf tagħha, toħroġha mill-fosdqa komda ta’ Nazaret biex tgħin lil qaribitha. Hi, li l-Ispirtu s-Santu deherilha u għamilha Omm Alla, taħseb f’ħaddieħor.

    Nista’ nimmaġina l-ħarsa tagħha lejn Eliżabetta meta tgħidilha: “Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” (Lq1:42). Hi, li kif tgħid ukoll bħal-lum, kienet konxja miċ-ċokon tagħha imma kienet ukoll konxja li l-ħarsa ta’ Alla fuq iċ-ċokon tagħha: “Għax int ħarist lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħek. Iva min issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli ħienja” (ara Lq 1:48). 

    Imma l-hena ta’ Marija x’inhi? “Hienja dik li emmnet”. Dik hi l-hena ta’ Marija! “Hienja dik li emmnet f’dak kollu li ntqalilha mill-Mulej” (Lq1:45). Aħna llum niċċelebraw din il-beatitudni ta’ Marija. Nistgħu ngħidu li aħna, jekk rridu nkunu tassew il-familja ta’ Radju Marija, irridu ngħixu din il-beatitudni: l-hena ta’ min jemmen, l-hena li tibda mhux b’premju ’l quddiem imma l-hena li tibda minn issa. 

    Għandi xewqa li nixtieq naqsamha mal-familja ta’ Radju Marija: f’dawn il-jiem li qed iqarrbuna lejn l-Għid il-Ħamsin nitolbu b’mod speċjali biex f’Malta jkollna Għid il-Ħamsin ġdid. Niltaqgħu madwar Marija u nitolbu d-don tal-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu u d-doni tiegħu huma ħaġa waħda. Nitolbu li l-Ispirtu s-Santu jinżel fuqna u jagħtina l-faraġ, il-kuraġġ u l-ispirtu tiegħu li hu l-imħabba lejn kulħadd. Aħna ma nidħlux f’polemiki ma’ dak li jkun, il-messaġġ tagħna jrid ikun pożittiv.

    Nixtieq nirringrazzja lil kull min b’ġenerożità kbira jieħu sehem fil-programmi ta’ Radju Marija, li b’ġenerożità kbira joffri l-volontarjat, li b’ġenerożità kbira jsostni lil Radju Marija. Nixtieq insellem b’mod partikulari lil kull min qiegħed jismagħna u nitolbu biex bl-interċessjoni ta’ Marija, aħna nikbru fl-imħabba lejn binha Ġesu u nikbru wkoll bħala familja li nirrispettaw u nħobbu tassew lil xulxin.

    Nawguralkom ħafna u jalla dan il-post mhux biss jitgawda imma jkun dik ix-xehda li minnha joħroġ l-għasel tal-ħlewwa u l-benna tal-Mulej. Kunu mberkin.

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta

     

  • Ritratti: Radju Marija