Il-Ħadd 1 ta’ Awwissu 2021, l-Arċisqof Charles Scicluna ppresjeda l-akkademja mużikali li saret fl-inawgurazzjoni tal-proġett ta’ tisbiħ tal-koppla tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz fil-Birgu.

Il-koppla tal-knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz fil-Birgu nbniet fl-1954, wara li dik antika ġġarrfet kawża tal-attakk fuq HMS Illustrious f’Jannar 1941. Tħalliet fuq il-ġebla sakemm l-Arċipriet preżenti, il-Kan. Dun Karm Busuttil, flimkien mal-Kapitlu tal-Kolleġġjata, daħlu għall-proġett tal-pittura, id-dekorazzjoni u l-induratura tagħha. L-Arċipriet iddedika ħafna enerġija u ħsieb lill-proġett, kif ukoll flimkien ma’ familtu daħlu għall-ispiża tal-pittura. Ix-xogħol kollu ilu għaddej sentejn u nofs.

Barra l-pittura li saret mill-artist Għawdxi Manuel Farrugia u li tinkludi 44 figura, saru twieqi ġodda għall-anterna kif ukoll ġew restawrati t-twieqi tal-parti t’isfel. L-induratura saret minn Roderick Busuttil, waqt li Lawrence Avellino u Arthur Demarco kienu responsabbli għall-installazzjoni tad-dawl artistiku. Joseph Micallef ħadem fuq l-iskultura li kienet nieqsa. Ix-xogħol kollu sar taħt is-superviżjoni tal-Perit Ennio Ellul.


Messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Grazzi lilkom li emmintu f’din il-ħolma u kontu, biex ngħidu hekk, ir-ruħ ta’ din il-koppla imma  grazzi ħafna lilek wkoll, arċipriet, tat-tmexxijatiegħek, tal-ġenerożità personali tiegħek u anke tal-insistenza tiegħek. Nixtieq anke nirringrazzja ħafna lill-Kapitlu għax din il-kolleġġjata hi afdata wkoll fil-kura tal-Kapitlu, imma wkoll tant saċerdoti, tal-preżenza tagħkom pastorali f’dan il-kapitlu.  

Imma nixtieq ukoll nirrrigrazzja tant nies – ħadt pjaċir ħafna li kemm jista’ jkun semmejtu kull min ħa sehem f’xogħol kbir li ma jidhirx imma li aħna se ngawduh u anke ta’ warajna. Dan hu monument ieħor għall-għatx li l-poplu tagħna għandu għas-sbuħija imma wkoll sinjal ta’ kemm aħna ġustament kburin bil-patrimonju tagħna. Jalla dan l-għatx għas-sbuħija u din il-kburija fil- patrimonju tissarraf ukoll li naħdmu flimkien għall-ġid ta’ xulxin.

Għandna f’qalbna l-eroj li ssieltu, taw ħajjithom biex jiddefendu din l-għaqda kontra l-għadu diversi drabi. U għandna wkoll ix-xhieda ta’ kemm kellhom fidi kbira f’Sidtna Marija, fil-qaddisin. Aħna x’se nagħmlu? F’min qegħdin nafdaw? Missirijietna għamlu kulma setgħu imma qatt ma nsew lil Alla. Jalla din il-koppla tfakkarna f’eżempju li dejjem hu attwali, b’mod differenti – illum mhux l-1556, imma llum ukoll għandna bżonn lil Alla. Kull meta nħarsu lejn il-koppla jalla ngħidu: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Imbagħad il-Mulej jgħidlek ixxammar il-kmiem u tagħmel li hemm bżonn, għax mhux se jibgħatlek il-maġija. Xi ħaġa li jħobb jgħidha l-Papa Franġisku: ‘Alla jagħtik il-qawwa taħdem u permezz tiegħek iħalli d-dinja aħjar.’ Bħalma inti, arċipriet nawguralek li tkompli taħdem biex din il-parroċċa – mhux biss din il-knisja – issir dejjem komunità sabiħa. Nirringrazzjakom ħafna u minn issa nawguralkom il-festa t-tajba.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta