• L-Arċisqof jinawgura s-Sena Pastorali tal-Moviment ta’ Kana

  • Fil-messaġġ tiegħu lil dawk kollha li jagħtu sehem fil-Moviment ta’ Kana, l-Arċisqof tkellem dwar l-importanza li ż-żwieġ Nisrani jkun fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Knisja partikolarment għaliex hija waħedha fis-soċjetà Maltija li tħejji lill-koppji għaż-żwieġ.

    L-Arċisqof qal li fil-laqgħat tagħhom mal-koppji għarajjes, l-operaturi pastorali għandhom jiffukkaw fuq is-sbuħija taż-żwieġ ibbażat fuq l-imħabba nkundizzjonata ta’ bejniethom. Qal li meta Alla jkun fiċ-ċentru tal-koppja,  huma jegħlbu l-isfidi li jaffaċċjaw għaliex l-imħabba tegħleb kull tfixkil. L-Arċisqof appella wkoll biex permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali jitwasslu dawk il-valuri ta’ ġid għal kull bniedem li permezz tagħhom tissaħħah u mhux tixxekkel l-għaqda fiż-żwieġ.

    Il-President tal-Moviment ta’ Kana, Dr Arthur Galea Salomone tkellem dwar il-vokazzjoni tal-koppji miżżewġin li qal fiha diversi sejħiet fosthom dik li jħobbu lil xulxin fuq il-mudell ta’ Kristu u l-Knisja. Id-direttur tal-Moviment ta’ Kana, Fr Joe Mizzi, rringrazzja lill-operaturi pastorali kollha li jaħdmu f’diversi oqsma u ħeġġeġ biex dawn ikomplu x-xogħol siewi li jsir favur iż-żwieġ u l-familja li huma l-pedament ta’ kull soċjetà.

  • Ritratti: Photocity, Valletta. 

    www.photocitymalta.com