Nhar il-Ħadd 28 ta’ Novembru, 2010, l-Arċisqof Pawlu Cremona se jwassal l-Ittra tiegħu liż-Żgħażagħ għal din is-sena, fl-Oratorju tal-Mosta fis-6:30 p.m. Dakinhar jaħbat l-ewwel Ħadd tal-Avvent; il-bidu tas-sena liturġika. Il-messaġġ tal-Arċisqof jiżvolġi mat-tema attwali tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, li tkun magħżula mill-Papa għar-riflessjoni taż-żgħażagħ. It-tema din id-darba se tkun: “Niżżlu għeruqkom fih, u ibnu l-ħajja tagħkom fuqu; issaħħu fil-fidi” (Kol 2,7).

L-Ittra ta’ l-Arċisqof hi maħsuba biex toffri gwida liż-żgħażagħ fit-tfittxija tagħhom għall-ħajja aktar sħiħa. Fis-snin li għaddew, l-Arċisqof Pawlu Cremona ħa l-opportunità li jindirizza mhux biss liż-żgħażagħ Insara, iżda wkoll liż-żgħażagħ b’mod ġenerali.

Il-messaġġ ser jinqara mill-Arċisqof stess waqt lejla ta’ talb organizzata mill-Grupp Żgħażagħ Burmarrad. Il-laqgħa infisha tagħlaq programm ta’ attivitajiet fuq it-tema tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. It-tliet ijiem ta’ attivitajiet huma mtella’ mill-parroċċi tat-tramuntana ta’ Malta, b’koordinament mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ).

Is-sena d-dieħla, il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ jilħaq il-qofol tiegħu b’numru ta’ ċelebrazzjonijiet ġewwa Spanja, f’Awwissu 2011. Mijiet ta’ żgħażagħ Maltin u Ghawdxin mistennija jippareteċipaw.