• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Knisja Parrokjali ta’ Ħaż-Żebbuġ
    9 ta’ Ġunju 2018

    Niftakru fl-episodju meta t-72 dixxipli li kien bagħat Ġesu f’ismu biex ixandru s-Saltna u li wkoll kien tahom is-setgħa jkeċċu x-xjaten u jfejqu b’ismu u rritornaw. B’sodisfazzjoni kbira bdew jirrakontawlu l-ġid li għamlu f’ismu. Il-Mulej stess ikkonferma li l-ħidma tagħhom kienet qawwija kontra l-għadu. Jgħidilhom imma: “Mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub  fis-smewwiet” (Lq 10:20) fil-ktieb tal-ħajja.

    L-għażla ta’ dan l-Evanġelju fil-festa ta’ San Filep tenfażizza l-fatt li l-ħidma ta’ San Filep f’Aġira kienet ukoll ħidma ta’ eżorċista, ħidma ta’ saċerdot li bil-qawwa tal-Ispirtu tal-Mulej, kien jagħti l-ħelsien lill-poplu mill-qawwa tal-għadu, mill-qawwa tal-ħażen, mill-qawwa tax-xitan.

    Intom iż-Żebbuġin fuq il-bradella maestuża u artistika, tfakkru wieħed mit-titoli għeżież ta’ San Filep, Energumenorum Salus, li jfisser l-ħelsien ta’ dawk li huma taħt il-jasar tal-ispirti ħżiena. Energumerom huwa xi ħadd li fih għandu qawwa u enerġija imma fil-kuntest tat-tradizzjoni huwa ppossedut minn qawwa li mhijiex pożittiva. Bil-ħidma tiegħu ta’ saċerdot, bil-kelma tiegħu, bl-eżempju qaddis tiegħu, San Filep kien aħbar tajba fil-poplu għażiż tiegħu u kien ukoll sinjal ta’ ħelsien.

    Fix-xhur li għaddew il-Papa Franġisku tana kitba sabiħa dwar il-qdusija. Fl-eżortazzjoni appostolika Gaudete et Exsultate (Ifirħu u Thennew) il-Papa għandu messaġġ urġenti u importanti għal kull wieħed u waħda minna. L-ewwel nett jgħidilna li Alla, meta ħalqek, għażillek missjoni li inti biss tista’ tagħmel fid-dinja, il-qdusija tiegħek hija li tagħraf din il-missjoni li għażillek Alla u twettaqha. San Filep kellu l-missjoni wara li sema’ lill-isqof ta’ Ruma, lill-papa, li jmur Sqallija u jkun preżenza ta’ evanġelizzazzjoni u ta’ eżorċiżmu, ta’ ħelsien mill-jasar lill-poplu għażiż ta’ Aġira u tal-madwar.   

    Nonorawhom talli huma qdew lill-Mulej billi għamlu l-missjoni li għalihom sejħilhom.

    Kull wieħed u waħda minna għandna missjoni differenti. Għaliex niċċelebraw il-festi tal-qaddisin? Mhux biex naqtgħu qalbna mis-sejħa għall-qdusija imma biex infakkru lilna nfusna li fil-misteru tax-xirka tal-qaddisin li fiha nemmnu, fis-sema għandna min jidħol għalina biex aħna nagħmlu l-missjoni tagħna. Aħna nifirħu magħhom, nonorawhom talli huma qdew lill-Mulej billi għamlu l-missjoni li għalihom sejħilhom. Imma aħna wkoll msejħin għall-istess qdusija. Il-Papa jinsisti li aħna nsiru qaddisin b’ġesti żgħar twajba ta’ kuljum. M’hemmx għalfejn tagħmel ħafna affarijiet kbar.     

    Wieħed mill-paragrafi jirrakkonta l-ġurnata qaddisa ta’ mara. Tmur għand tal-ħanut, tisma’ minn qed jitkellem kontra l-proxxmu u tagħmel għażla: mhux se nitkellem l-istess, mhux se ngħid xejn kontra ħadd. Tmur id-dar issib lil binha ħosbien, titlaq kollox, toqgħod bilqiegħda u tisimgħu bil-paċenzja kollha. Imbagħad jiġiha mument ta’ swied il-qalb u dwejjaq . Il-Papa jgħid: “Tħares lejn il-Kurċifiss u tgħidlu: ‘Mulej, għini inti’, tiftakar fid-Duluri u tgħidilha: ‘Marija, kun l-għajnuna tiegħi. Imbagħad toħroġ barra fit-triq, tiltaqa’ ma’ fqir u tagħtih ftit għajnuna u ftit ħin. Kollha passi żgħar, jgħid il-Papa, li jikbru fina u jkabbruna fil-qdusija (ara Ifirħu u Thennew par. 16).   

    Il-qdusija hija ħaġa ta’ kuljum.

    Il-qdusija, skont il-tagħlim tal-Papa Franġisku, mhijex xi ħaġa li ma nistgħux nilħquha, inaċċessibbli, irraġġunġibbli, xi ħaġa li ma tistax tilħaqha.  Le! Il-qdusija hija ħaġa ta’ kuljum.    

    Imma l-Papa jgħidilna wkoll li l-ħajja Nisranija hija taqbida, taqbida kontra l-ħażen u kontra anke l-qawwiet tal-ħażen. U hawnhekk tidħol l-interċessjoni qawwija ta’ San Filep. Nitolbuk, O San Filep, l-ewwel nett li tgħinna li nilqgħu t-tagħlim sabiħ tal-Papa Franġisku. Nitolbu għall-Arċipriet biex jagħmlilna xi erba’ laqgħat sbieħ, imma wara kollox inti tilluminana biex kulħadd, skont il-vokazzjoni tiegħu, minn hu ħaddiem, min hu missier, omm, xebba, katekist, professjonist, int min int, għandek sejħa partikolari għall-qdusija. Nitolbuk, San Filep, biex din il-persważjoni tidħol fil-qalb tagħna mhux biss biex ingawduk fil-ġenna bħalma qed ingawduk ukoll hawnhekk fil-festa tar-raħal, anzi iżjed, imma għaliex dik hi r-rieda ta’ Alla għalina.      

    San Filep, din is-sena nitolbuk b’mod speċjali għaż-żgħażagħ tagħna, speċjalment iż-żgħażagħ li waqgħu f’xi vizzju li qed ikissirhom, li qed ikisser il-familji tagħhom, l-għeżież tagħhom. Għinna biex ma naqtgħux qalbna la minnhom u lanqas mill-kapaċità tagħna magħhom li joħorġu minn din in-nassa tax-xitan, imma kun int, San Filep, li tidħol għalihom u li tgħinna fit-taqbida ta’ kuljum kontra l-ħażen li hemm fina u madwarna.

    Kun int, O San Filep, li b’dawk l-idejn juruna s-Santissima Trinità u b’dak is-salib għażiż li tħaddan, li tgħallimna u turina li aħna Nsara tassew jekk lil Alla ngħidulu: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok, Sinjur Alla, fittixni biex nadurak, Sinjur Alla, agħmel li jiena nagħrfek u nħobbok’.

    Nawguralkom mill-qalb festa sabiħa, festa mimlija għożża, festa mimlija b’kollox li tafu torganizzaw intom, imma fuq kollox, illejla u magħkom ngħolli l-għajta: Viva San Filep.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

     

  •  

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace