• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali, Ħal Safi
    6 ta’ Mejju 2018

    Tfal, fil-bidu ta’ din il-Quddiesa, għedtilkom li llum nixtieq inkellimkom fuq ir-rigali li jagħtina Ġesù. Imma x’’rigali jagħtina Ġesù? Illum fl-Evanġelju li għadu kemm qara l-Kappillan, Ġesù jsemmi ħwejjeġ sbieħ ħafna li jixtieq jagħtina. U tgħidluli: ‘Imma allura jien x’irrid nagħmel biex dawn ir-rigali tiegħu jkunu għandi wkoll, biex nirċevihom jien?’ Inkunu ħbieb tiegħu. Tgħidli: ‘Imma kif irrid inkun ħabib ta’ Ġesù?’ Ġesù jagħmlek ħabib tiegħu u inti tkun ħabib tiegħu jekk trid. Imma jekk irridu nkunu ħbieb ta’ Ġesù x’għandna nagħmlu? Inħobbu lil xulxin.

    Pereżempju jekk jiġi xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna mhux tgħidlu ‘m’għandix aptit’ imma ‘mela le, ngħinek’. Allura hekk inti qed tħobb u qed tagħti ħajtek lil ħaddieħor għax tagħti ħajtek mhux billi tmut biss, imma tagħti wkoll mill-ħin tiegħek.    

    Eżempju ieħor meta l-iskola jkun hemm xi ħadd waħdu u tgħidlu: ‘Kemm hi ġurnata sabiħa llum’ u tibda tkellmu ftit. Tarah waħdu u tgħinu. Hawn ħafna tfal li jagħmlu ħafna ġid. Jindunaw pereżempju b’xi ħadd minn sħabhom li ma jistax jimxi sew, u jgħidulhom: ‘Ngħinek ftit?’ Anke tfal iżjed imfarfrin, jaraw xi ħadd anjzan u jgħinuh. Dawk nies ħbieb ta’ Ġesù għax qegħdin iħobbu. Meta aħna nħobbu lil xulxin insiru ħbieb ta’ Ġesù. 

    U Ġesù jgħidilna: “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Ġw 15:9) u nagħtikom il-ferħ tiegħi. Trid tkun ferħan? Kulħadd jixtieq ikun ferħan. Trid tkun ferħan ta’ vera? Kun ħabib ta’ Ġesù! Rigal ieħor li jagħtina Ġesù hija l-paċi. Trid ikollok il-paċi fil-qalb tiegħek? Kun ħabib ta Ġesù!

    Mela quddiemna aħna għandna din it-triq li qed jgħidilna biha Ġesù: inħobbu lil xulxin. Tgħidli: ‘Imma lil kulħadd?’ Iva, lil kulħadd. Anke min għandu ġilda sewda? Iva, anke lil min għandu ġilda sewda. Anke min jitkellem u ma nifhmux? Iva, anke lil min jitkellem u ma tifhmux. Lil kulħadd! Inħobbu lil kulħadd!Min iħobb lil kulħadd ikollu l-ferħ ta’ Ġesù, ikollu l-paċi ta’ Ġesù, ikun ħabib ta’ Ġesù.     

    X’jiswa li jkollok ħafna affarijiet u ma tkunx taf x’inhi l-imħabba? X’jiswa?!    

    Mela dawn huma rigali kbar li jixtieq jagħtina Ġesù, imbagħad l-affarijiet l-oħra li nixtiequ jiġu meta jkun iż-żmien tagħhom. Imma x’jiswa li jkollok ħafna affarijiet u ma tkunx ferħan? X’jiswa li jkollok ħafna affarijiet u ma jkollokx il-paċi f’qalbek? X’jiswa?! X’jiswa li jkollok ħafna affarijiet u ma tkunx taf x’inhi l-imħabba? X’jiswa?!     

    Meta fi żmien il-Milied tkunu l-Mużew, għidu lis-superjuri jgħidulkom l-istorja ta’ wieħed sinjur ħafna li kien jismu Scrooge, storja ħelwa ta’ Charles Dickens, A Christmas Carol, fuq raġel sinjur ħafna imma ma ried jagħti xejn lil ħadd. Illum mhux se ngħidilkom l-istorja ta’ Scrooge imma mbagħad il-Mużew, fi żmien il-Milied, fakkru lis-superjur tagħkom.

    Dalwaqt niċċelebraw il-festa ta’ qaddis Malti. X’jismu dan il-qaddis Malti li aħna nagħmlu l-festa tiegħu fid-9 ta Mejju u li waqqaf il-Mużew? San Ġorġ Preca, bravi! San Ġorġ kien iħobb jgħid: ‘Ġid lil kulħadd, deni lil ħadd’. Imbagħad meta kien jitkellem ma’ Ġesù, ma’ Alla, kien jgħidlu: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Kemm hi sabiħa din it-talba u nispiċċaw b’talba li tgħallmuha anke l-bankijiet: ‘Grazzi Sinjur Alla, u aħfirli Sinjur Alla’. Nitolbu lil San Ġorġ Preca biex jitlob għalina sabiex inkunu ħbieb ta’ Ġesù u jkollna l-ferħ tiegħu u l-paċi tiegħu. Kunu mberkin.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Atti 10, 25-26.34-35.44-48
    Salm: 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4
    Qari II: 1 Ġw 4, 7-10
    Evanġelju: Ġw 15, 9-17
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace