L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-kliem ta’ Ġesù li smajna llum huwa kliem iebes għax min jaf kemm fir-rabja ngħidu affarijiet lil xulxin. ‘Ġifa’, ‘iblah’ (Mt 5:22); għalina dawn il-kliem huma soft. Meta nirrabjaw għal xulxin nużaw kliem ħafna iżjed avventuruż u l-immaġinazzjoni hi bla qies. Kultant nitfgħu xi dagħwa ’l hawn u ’l hemm għall-effett. Donnu meta nkunu rrabjati għal xulxin, qisna l-ħin kollu bit-trikki trakki. Ġesù din il-ħaġa jeħodha bis-serjetà. Aħna forsi nitbissmu, imma jieħu bis-serjetà r-rabja li jkollna għal xulxin.

Jekk wieħed jifhem dak li qed jgħid l-Evanġelju tal-lum, huwa wieħed minn dawk fejn Ġesù ma tantx jagħmel discounts. Aħna nafuh bħala dak ta’ qalb ħelwa u umli, u llejla nibdew il-festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Filfatt Ġesù jgħid: “Jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). Għal Ġesù huwa importanti ħafna kif nittrattaw lil xulxin u allura jitkellem dwar “il-kundana tas-Sinedriju” (Mt 5:22), imbagħad ipoġġi “n-nar tal-infern” (Mt 5:22). Għaliex l-imħabba lejn Alla hija l-ġenna minn issa u trid tgħaddi mill-imħabba għal ħutna. Min jobgħod ikun diġà beda jduq l-infern għalih innifsu, u għal ta’ madwaru. Min jobgħod ikun tilef il-paċi u beda jgħix fl-infern. Ġesù qed jipprova jgħinna nintrefgħu mir-rabja għal xulxin. Inħossok tgħidli: Imma jien bir-raġun nirrabja u mhux b’kapriċċ. Ir-rabja hija l-ewwel riżultat tal-uġigħ. B’xi mod hija xi ħaġa li wieħed jifhimha. Imma x’se nagħmel biha din ir-rabja? Se nħalliha tirkibni? Se nħalliha tivvalena qalbi u tikkankra ġo ruħi? Ġesù qed iwissina minn dan il-periklu li mhux żgħir.

Min jobgħod ikun tilef il-paċi u beda jgħix fl-infern. Ġesù qed jipprova jgħinna nintrefgħu mir-rabja għal xulxin.

Ħin minnhom, jitkellem ukoll dwar l-offerta. Fil-quddiesa noffru l-ħobż u l-inbid. Aħna wkoll inpoġġu l-offerta tagħna fuq l-artal. Imma dak il-ġest tal-paċi li nagħtu lil xulxin qabel nitqarbnu jrid ifisser proprju din it-talba, anke jekk tħossha diffiċli li taħfer, anke jekk tħossha diffiċli teħles minn din ir-rabja. Lill-Mulej itolbu: ‘Agħtina din il-grazzja li naħfer bħalma taħfer inti’. Ma ninsewx x’għallimna: “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). Din hi t-talba li għallimna u insista ħafna fuqha.

Imbagħad jagħtina tixbieha li nixtieq naħsbu ftit fuqha: li hemm xi ħadd li se jtellagħna. Fl-aħħar ta’ din il-mixja se nidhru quddiem it-tribunal tal-ġustizzja ta’ Alla. Aħna qegħdin għal għonq it-triq, u jgħidilna: ‘Intom bħalissa għandkom fiċ-ċans li tirranġaw bejnietkom’. Dan biex mhux meta jmissek tmur quddiem l-Imħallef ma jghidlekx: ‘Għandek il-wiċċ tiġi quddiemi biex naħfirlek, meta inti ma ridtx taħfer? Mela ħu paċenzja u ħallas sal-aħħar tliet ħabbiet’ (ara Mt 5:25-26). Dan huwa b’xi mod avviż għalina għax aħna nonqsu lil xulxin, kultant bla ma rridu, iżda kultant għax irridu.

Sfortunatament fuq l-internet qisu żdied il-kliem iebes għal xulxin. Irridu nagħtu kont tiegħu, l-aħwa ta! Mhux għax il-persuna m’intix qed taraha fiżakament allura tista’ tgħid li trid fuqha! Hemm żewġ affarijiet, kif nistgħu nweġgħu lil xulxin. L-ewwel waħda hi l-kalunja, jiġifieri meta nivvinta gidba fuqek. It-tieni, il-malafama, meta xxandar dak li jagħmel ħaddieħor u nerfgħu salib xulxin. Il-Mulej jgħidilna biex nirranġaw fit-triq (ara Mt 5:25).

Nitolbu l-grazzja ta’ Ġesù aħna li llejla nibdew niċċelebraw il-festa l-kbira tal-Qalb ta’ Ġesù. Imma Ġesù mhuwiex softy. Fejn tidħol l-imħabba ta’ bejnietna Ġesù huwa ċar u eżiġenti. Nitolbuk Mulej, tfehimna kemm hi importanti għal qalbek l-imħabba ta’ bejnietna u l-maħfra ta’ bejnietna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Kor 3:15 – 4, 1.3-6
Salm: 84 (85), 9ab-10.11-12.13-14
Evanġelju: Mt 5:20-26