L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jkellem lill-ibliet. Interessanti li jagħżel ibliet li fihom għamel ħafna mirakli. Ovvjament għamel il-mirakli għax sab il-fidi tan-nies, b’mod speċjali l-morda, dawk li kienu maħkuma mill-qawwa tax-Xitan, il-fqar. Jitkellem dwar Korożajn, jitkellem dwar Betsajda, li diversi dixxipli kienu minn din il-belt. Ġwanni u Ġakbu, Indrì u Xmun kienu minn Betsajda. Kafarnahum kienet il-belt fejn imbagħad għex Pietru, fejn Ġesù ppriedka ħafna u kellimna dwar l-Ewkaristija li nsibu fil-kapitlu sitta ta’ San Ġwann. Kienu bliet marbutin ħafna mal-missjoni tiegħu. Imma Ġesù jċanfarhom għaliex il-komunitajiet tal-“ibliet li ma wrewx indiema minkejja l-ħafna mirakli li kien għamel fihom” (Mt 11:20).

Bħalma smajna fil-ħsieb għall-introduzzjoni tal-quddiesa, ta’ min nirriflettu fuq ir-responsabbiltà tagħna bħala soċjetà. Ġesù jitkellem dwar il-ġudizzju għax il-ġudizzju huwa l-konsegwenza tal-għażliet tagħna. Mhux xi kastig li Alla jagħtih għax vendikativ, imma l-għażliet li nagħmlu dejjem ikollhom xi konsegwenza. Alla jaħfer, u jaħfer dejjem, jekk aħna nindmu u ngħidulu: Sinjur Alla, aħfirli.

Din il-ħaġa tfakkarna wkoll fir-rwol ta’ min għandu l-awtorità fis-soċjetà. Illum qegħdin infakkru lil San Enriku, li ħalla togħma sabiħa ta’ ħajja twajba mhux biss f’Bamberg, il-belt li għażel bħala ċ-ċentru tal-ħidma tiegħu bħala imperatur imma wkoll flimkien ma’ martu f’tant inħawi tal-Bavarja u tal-Ġermanja.

L-għajnuna ta’ Alla tgħinna nkunu spalla ma’ spalla u naħdmu flimkien għall-ġid komuni.

Heinrich kif jgħidulu l-Ġermaniżi, Henry bl-Ingliż jew Enriku bil-Malti, kien bniedem prattiku ħafna imma fehem li fil-messaġġ ta’ Ġesù kien hemm għerf li jiżboq l-għerf tal-filosfi, tal-għorrief ta’ din id-dinja. Hu ħaddan dan il-għerf. Aħna llum nitolbu l-interċessjoni tiegħu għal kull min fis-soċjetà għandu rwol ta’ responsabbiltà. Għax din l-għażla favur l-aħbar it-tajba ta’ Ġesù llum trid tissarraf f’dak kollu li nagħmlu favur il-fqar, favur l-immigranti, favur dawk li fis-soċjetà tagħna għandhom xi bżonnijiet speċjali, favur l-edukazzjoni, u favur anke l-onestà, l-integrità u l-ġustizzja fl-istituzzjonijiet tagħna.

Nitolbu ħafna għal min imexxi f’pajjiżna għaliex lir-rwol tagħhom mhuwiex faċli; hawn diffikultajiet kbar, speċjalment fid-dinja tal-lum. L-għajnuna ta’ Alla tgħinna nkunu spalla ma’ spalla u naħdmu flimkien għall-ġid komuni.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżodu 2:1-15a
Salm: 68 (69), 3,14,30-31,33-34
Evanġelju: Mt 11:20-24